Malli twieled, ħaduwulha minn idejha u telqu bih f’ambulanza għal sptar f’Londra.
Din hija l-istorja taċ-ċkejken Lucas li għandu biss sentejn. Lucas twieled fil-qilla tal-pandemija u apparti d-diffikultajiet din ġabet magħha, sfortunatament Lucas twieled bi problemi ta’ saħħa serji.
F’intervista ma’ dan l-istazzjon, omm Lucas, Danielle, spjegatilna li din kienet it-tielet tqala tagħha u viżta għand it-tabib li fiha kellha biss tikkonferma s-sess tat-tarbja, spiċċat ikkonfermat anormalitajiet li Lucas kien se jitwieled bihom.
Danielle qalet, “Ħabba li konnha waqt pandemija għal din il-viżta kelli nidħol waħdi u inti xħin tibda tara li t-tabib ħa aktar ħin min-normal tgħid hemm xi ħaġa ħażina. Appuntu hemmhekk fejn qalli li Lucas ħa jitwieled b’TGA li hija transposition of the great arteries tal-qalb u b’żewġ toqob. Dak kien kind of l-ewwel xokk.”
Ta’ ħamsa u tletin ġimgħa tqala, Danielle telgħet Londra sabiex malli jitwieled, Lucas jingħata l-kura meħtieġa.
Ta’ disgħa u tletin ġimgħa, Danielle welldet permezz ta’ ċesarja u malli twieled iċ-ċkejken Lucas, ittieħed minn idha u mar dritt fi sptar differenti.
Hi qalet, “Jien ma traveljajtx ma’ Lucas. Lucas ittieħed ġo ambulanza waħdu, mal-istaff allura iktar u iktar, int l-istaff ma tafux, ma tafx min qed jieħdu, ma tafx fejn ħa jieħduh u qisek l-ewwel ħaġa li għidtilhom ‘Ħudu ħsiebu’ speċi ta’ ‘ara li ma jiġrilu xejn’.”
Minkejja dan u minkejja li kienet għadha kif welldet, Danielle ma kienitx se toqgħod ‘il bogħod wisq minn Lucas.
Danielle sostniet, “Il-will tal-mummy tinsa kollox u l-urge tkun li tfittex tkun ħdejh.”
Hija rrakuntat magħna wkoll il-perkors taċ-ċkejken Lucas tul il-kura twila li kellu jieħu fejn sfortunatament kellu jaffaċċja diversi problemi ta’ saħħa.
Hi spjegat, “Lucas għadda minn three open heart surgeries, three neurosurgeries u in between kien hemm tliet strokes u tliet anginas. Kollox on the number three. Sfortunatament għadda minn ħafna però jien qatt ma noqgħod ngħid għax miskin u għax jaħasra, jien ‘it-tifel tiegħi ħdejn ħaddieħor m’għandu xejn’.”
Is-sena l-oħra, Lucas kellu jivjaġġa għat-tieni darba f’ħajtu lejn Londra għal operazzjoni f’qalbu, iżda waqt li kienu hemm, Lucas sofra minn tliet puplesiji u saħansitra għamel sebat ijiem f’koma.
F’dan il-mument, il-ħaddiema tal-isptar bdew jippreparaw lill-qraba għall-aħħar mumenti.
Danielle qaltilna, “Imbagħad bdew jgħiduli li jaf ineħħu l-magni u Lucas ma jqumx u jien għidtilhom le ta’, Lucas iqum, jieħu n-nifs u kollox jirnexxi u hekk ġara. Qabel ma qaluli hekk, qaluli biex intella’ lil ħutu għax x’aktarx ma jerġgħux jarawh. Kellu jinżel ir-raġel, iġib it-tfal u jerġgħu jitilgħu ħdejja imma sakemm niżel u tela’ Lucas kien diġà qam.”
Kien pjanat li Lucas jqatta’ l-ewwel għeluq sninu f’Malta iżda dan ma kellux ikun. Minkejja kollox, Danielle ma xtaqitx tħassar festi u saħansitra pjanat festin żgħir u quċċija għal Lucas fl-isptar f’Londra fejn hemmhekk, Lucas għażel il-bajda.
Hi rrakkontat, “Il-bajda saret mis-sisters ta’ Londra li konna noqogħdu magħhom u Lucas qabad il-bajda. Kulħadd feraħ għax bajda tfisser ħajja, tfisser fertilità u ħafna iktar affarijiet, allura qisna kif qabad il-bajda għidna, ejja, speċi ta’, għad hemm it-tama.”
Qabel temmejna l-intervista tagħna magħha, Danielle qaltilna li dejjem tat is-sehem tagħha fl-Istrina għaliex aktar ma jgħaddi ż-żmien il-mard qed jiżdied u għaldaqstant, id-domanda għall-ġbir tkompli tikber.
Hi qaltilna, “Jien qabel kont nagħti għax kont inħossni fid-dmir li nagħti. J’alla ħadd qatt ma jmiss ma’ dawn l-affarijiet imma sfortunatament kollha taħt l-istess sema qegħdin. Jekk ilbieraħ kont nagħti one euro, issa nagħti two.”
Danielle saħqet magħna li għandha tama kbira li Lucas jikber u jgħix ħajtu u jilħaq l-għan li għalih twieled.