Is-Segretarju Amerikan tad-Difiża James Mattis qal li kwalunkwe użu ta’ armi nukleari mill-Korea ta’ Fuq se tintlaqa minn risposta effettiva u kbira.
Mattis tkellem fil-Korea t’ Isfel, fejn kien affermat mill-ġdid l-appoġġ tal-Istati Uniti, qabel ma siefer lejn Tokjo. Huwa reġa kkonferma wkoll il-pjanijiet biex tkun implimentat sistema Amerikana ta’ difiża kontra l-missili fil-Korea t’ Isfel iktar tard dis-sena. It-testijiet tal-missili u nukleari ripetuti u stqarrijiet aggressivi mill-Korea ta’ Fuq qed ikomplu jallarmaw u jirrabjaw lir-reġjun.
L-Istati Uniti għandha preżenza militari konsiderevoli fil-Korea t’ Isfel u fil-Ġappun, bħala parti minn ftehim. Hemm ftit inqas minn tmienja u għoxrin elf u ħames mitt suldat tal-Istati Uniti fil-pajjiż, li għalihom Seoul qed iħallas disa mitt miljun dollaru Amerikan fis-sena.