L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu fakkret lill-għawwiema Maltin u turisti li l-bnadar ta’ twissija jinsabu f’kull bajja mmaniġjata minnha sabiex ikunu rispettati.
Dawn jindikaw il-livell ta’ periklu f’kull bajja u jinbidlu skont kemm ikun qawwi l-baħar. F’każ li jkun hemm żewġ bnadar ħomor, kif indikat fir-ritratt li ttieħed dalgħodu f’Golden Bay, wieħed għandu jevita li jinżel jgħum. Ir-ritratt juri li kien hemm min xorta waħda għażel li jinżel fil-baħar.
Il-bajjiet immaniġjati mill-MTA joffru l-ogħla standards internazzjonali fejn tidħol sigurtà. Il-bnadar ta’ twissija huma skont l-International Lifesaving Federation (ILF) u huma operati minn lifeguards preżenti fuq il-bajjiet, li jkunu dejjem kommessi biex joffru tagħrif lill-għawwiema Maltin u barranin.