B’referenza għad-diskussjoni dwar il-liġi tal-ugwaljanza, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat waqt li kien qed jintervjeni fuq ONE Radio, stqarr li jekk hemm politiċi li li jaħsbu li jistgħu jżommu l-bidla, għadhom ma fehmux kemm is-soċjetà tagħna qed tinbidel.
Din il-ġimgħa fil-Parlament ixxukjajt ruħi b’ċertu argumenti, saħaq il-Prim Ministru filwaqt li tenna li min qed jitkellem kontra l-liġi qed jitkellmu hekk għax qegħdin fuq wavelength differenti. Aħna qegħdin fuq il-livell tat-toleranza u l-aċċettazzjoni u għalhekk l-emendi li qegħdin jitressqu min-naħa tal-Oppożizzjoni, jew uħud mill-membri, u li permezz tagħhom qed jgħidulna ħallu l-affarijiet kif inhuma imma żiedu kategorija oħra, u allura hekk qed iżid is-segregazzjoni, ma nistgħux naqblu magħhom. Jien aktar nirrispeta nies li jgħidu li jien ma naqbilx mal-liġi, imma almenu taf fejn qiegħed magħhom, milli jkun hemm xi ħadd li jitkellem kontra u jivvota favur. Din hija kwistjoni importanti, ta’ importanza storika, se nkunu fuq il-media internazzjonali, spjega Dr Muscat. Kemm jien kburi li wettaqna dan il-pass, se nkomplu nuru li qed inwettqu għal minoranzi u għalhekk l-appell tiegħi lil klassi politiċi; idaħħlux raskom fir-ramel, stqarr il-Mexxej Laburista.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll fuq ix-xejriet ekonomiċi u filwaqt li semma kif komplejna nirreġistraw tnaqqis fil-qgħad, aċċenna għal fatt li fl-ewwel 3 xhur tas-sena, ġie rreġistrat l-ewwel surplus.
Fl-aħħarnett Joseph Muscat għamel referenza għal konferenza ġenerali straordinarja u stqarr kif it-3 kandidati huma b’saħħithom ħafna, u jagħżlu lil min jagħżlu d-delegati, jiġri x’jiġri, iridu nibqgħu naħdmu u t-tnejn li ma jiġux eletti se jibqgħu parti mill-kabinett. Min-naħa l-oħra l-persuna magħżula se jkollha aktar xogħol. Joseph Muscat saħaq li nhar il-Ħamis li ġej bi ħsiebu juża d-diskors tiegħu biex jgħaddi messaġġ partikolari ħafna għall-Partit Laburista, dwar il-viżjoni ‘l quddiem.