Dalgħodu kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-kawża tal-isptarijiet ibbażata fuq l-inkjesta li saret mill-Maġistrat Gabriella Vella u swiet lill-pajjiż mal-€11-il miljun.
Is-seduta, li fiha dehru l-eks Ministri Chris Fearne u Edward Scicluna, instemgħet fil-magħluq minħabba s-sensittività ta’ wieħed mix-xhieda li kien se jidher quddiem il-Maġistrat illum.
Madankollu, fil-proċeduri kontra l-eks Segretarji Permanenti Ronald Mizzi, Joseph Rapa u Alfred Camilleri, l-avukati tad-Difiża talbu li, jekk l-Irlandiż Jeremy Harbinson, l-espert forensiku ewlieni li ħadem fuq ir-rapport tal-inkjesta, ikompli jirrifjuta li jidher għall-kontro-eżami, huma se jitolbu li r-rapport jiġi ddikjarat inammissibbli.
“Diversi individwi qed jiffaċċjaw akkużi abbażi tas-sejbiet tiegħu u Harbinson qed jipprova jevita li jixhed b’kull mod possibbli,” qal l-Avukat Franco Debono.
Il-ġimgħa li għaddiet, Harbinson kien bagħat affidavit lill-Qorti permezz ta’ imejl, fejn iddikjara li qatt mhu se jirritorna Malta.
L-Avukat tad-difiża Stephen Tonna Lowell deher f’isem Fearne u Scicluna, filwaqt li Debono qed jirrappreżenta lil Alfred Camilleri.