Fl-aħħar jiem kien hemm min ikkummenta kif seta’ rċieva ċekk taċ-children’s allowance li kellu rata inqas minn tas-sena ta’ qabel. U f’siti soċjali qabdet diskussjoni ma taqta’ xejn. Tlabna kjarifika mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali li qal: “Id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jixtieq javża li l-pagamenti tal-Allowance tat-Tfal li se jitħallsu fis-17 ta’ Diċembru, 2016 u li jkopru l-perjodu minn Jannar 2017 sa April 2017, huma bbażati fuq id-dħul tas-sena bażi 2015.”
Għalhekk, qal id-Dipartiment, ir-rati mħallsa jistgħu jkunu differenti mill-aħħar pagamenti li saru, minħabba l-fatt li l-pagamenti ta’ qabel dan, kienu bbażati fuq id-dħul fis-sena bażi 2014. “Min id-dħul tiegħu żdied b’aktar miż-żieda għall-ogħli tal-ħajja bejn l-2014 u l-2015, ir-rata tal-Allowance tat-Tfal tonqoslu waqt li min naqaslu id-dħul bejn is-snin imsemmija ir-rata tal-Allowance tat-Tfal tiżdiedlu,” qal id-Dipartiment.
Barra minn hekk, minħabba li l-assessjar tar-rati dovuti huwa ibbażat fuq id-dikjarazzjonijiet li saru lid-Dipartiment tat-Taxxi Interni, min għadu ma bgħatx il-formola tat-taxxa għas-sena bażi 2015 lill-istess Dipartiment, se jkun qed jircievi rata bażika ta’ Allowance tat-Tfal ta’ €8.66 fil-gimgħa għal kull wild sakemm jirregolarizza ruħu mad-Dipartiment tat-Taxxi Interni. “Malli jsir dan, tigi aggustata ir-rata tal-allowance skont id-dħul attwali u jitħallsu l-arretrati dovuti jekk ikun il-każ,” qal id-Dipartiment.