Mhix sitwazzjoni faċli meta bniedem, ikollu kemm ikollu zmien, jiġi attakkat bil-kliem u xi kultant anke b’mod aktar serju tul il-ħajja tiegħu. Hi esperjenza li l-ebda individwu ma jixtieq jgħaddi minnha iżda li sfortunatament bosta huma dawk li jesperjenzawha, kemm wiċċ imb wiċċ u kif ukoll onlajn. Filfatt wieħed minn kull għaxart itfal fl-Unjoni Ewropea ta’ bejn il-ħdax u s-sittax-il sena rrappurtaw li esperjenzaw bullying serju onlajn. Dan skont rapport ippubblikat is-sena li għaddiet mill-Kummissjoni Ewropea.
Dwar dan is-suġġet, student tal-MCAST, Jonathan Brincat, iddeċieda li minn esperjenza ta’ tfajla li għaddiet minn sitwazzjoni simili, iqajjem aktar kuxjenza billi bbaża l-aħħar proġett ta’ parti mill-kors tiegħu fil-qasam tal-media dwar il-bullying.
Brincat qal ma’ One News “Jiena peress li kont bullied meta kont żgħir, xtaqt nuri lil persuni oħra f’Malta u Għawdex li jekk huma bullied, m’humiex wahedhom. Għalekk ibbażajt dan l-proġett fuq is-suġġett tal-bullying biex noħloq aktar għarfien u forsi jservi ta’ għajnuna għal dawk li huma bullied sabiex jitkellmu ma’ xi ħadd u mhux iżommu kollox fihom.”
Ara dan il-filmat ta’ tfajla titkellem dwar l-esperjenza tagħha u pariri għal min hu għaddej minn sitwazzjoni simili.