Mill-ġimgħa d-dieħla se jibdew jintbgħatu l-ittri lil dawk li applikaw għall-qabar fl-Addolorata, biex fit-tielet ġimgħa ta’ Mejju jibdew jingħataw l-appuntamenti biex jiffirmaw konvenju.
Il-Ministru Chris Fearne spjega li l-konvenju se jkun iffirmat minn Nutar Pubbliku. Ħamsin fil-mija, ċioe €4,000 deposit, se jitħallsu mal-konvenju, inkluż xi spejjeż oħra marbuta mal-kuntratt.
B’kollox huma 2,880 n-numru ta’ oqbra li huma disponibbli għal konvenju. 371 diġà huma regolarizzati bil-konvenju ffirmat u li issa allura m’għandhomx ghalfejn jergghu jirregistraw. Minn mindu bdiet tinġabar l-istatistika fl -1995, hemm il fuq minn 4,000 talba għal qabar ġdid fiċ- ċimiterju tal-Addolorata.
Dan il-proġett fiċ-ċimiterju tal-Addolorata se jiswa madwar tmintax-il miljun ewro, b’sitt miljun ewro se jkunu fuq restawr u tnax-il miljun se jkunu jinvolvu l-estensjoni tal-istess ċimiterju.
Fl-għaxra ta’ Mejju jagħlaq iż-żmien għas-sotomissjonijiet.