Fil-qalba tal-ajruport wieħed isib tim dedikat ta’ pumpieri li jgħaddu minn taħriġ rigoruż biex jimmaniġġjaw firxa wiesgħa ta’ emerġenzi b’mod effettiv. Dawn il-professjonisti tas-sengħa huma mgħammra b’tagħmir modern u għandhom għarfien speċjalizzat li jgħinhom jiżguraw is-sikurezza tal-passiġġieri u tal-ħaddiema, u s-sigurtá tal-infrastruttura tal-ajruport.
L-ajruport Internazzjonali ta’ Malta investa fi flotta ta’ vetturi tat-tifi tan-nar li huma maħsuba speċifikament biex jimmaniġġjaw emerġenzi tal-avjazzjoni, fost oħrajn.
Dawn il-vetturi huma mgħammra b’ teknoloġija avvanzata u fihom kapaċitajiet li jiddistingwuhom mill-vetturi tat-tifi tan-nar tradizzjonali, fosthom il-volum massimu li dawn il-vetturi jistgħu jifilħu.
Sabiex nifhmu aħjar fuq dawn il-vetturi, tkellimna ma’ Luke Pace, li huwa l-Maniġer tas-servizz tat-tifi tan-nar u salvataġġ fl-ajruport. Huwa spjegalna kif dawn il-vetturi huma mgħammra b’firxa ta’ karatteristiċi avvanzati, inklużi kanuni b’saħħithom tal-ilma u r-ragħwa, li jistgħu jisparaw l-ilma fuq distanza sinifikanti.
Qal, “Għandha biżżejjed foam fuqha biex inkunu nistgħu nipproduċu firefighting foam fuq il-problema, primarjament għaliex aħna l-probabbiltà ta’ nar li se nsibu fuq ir-runway hija relatata ma’ fuel jew hydrocarbon. Apparti hekk, il-vetturi għandhom kapaċità li jipproduċu powder mir-rapid deployment line u rridu nżommu f’moħħna wkoll li huma kapaċi jaraw ċertu speed li forsi vetturi konvenzjonali tat-triq ma jarawx.”
Id-dedikazzjoni u l-kompetenza tal-pumpiera, flimkien mat-teknoloġija avvanzata tat-trakkijiet tan-nar speċjalizzati, jiżguraw li l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jkun ippreparat biex jimmaniġġa l-emerġenzi.
“Aħna dejjem naħdmu bil-prinċipju li ma tantx ikollna x’nagħmlu imma, jekk Alla jrid, qatt ma nagħmlu xejn, għax hekk l-ajruport ikun qiegħed sigur. Jekk l-infrastruttura tippermetti li l-ajruplani jitilqu u jinżlu b’mod sigur, aħna, fil-verità, l-uniku mod kif se nġibu l-esperjenza huwa bit-taħriġ.”
Hekk kif il-vjaġġaturi u l-merkanzija jgħaddu mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, il-pumpieri u t-trakkijiet tan-nar speċjalizzati tagħhom jibqgħu dejjem viġilanti, lesti biex jiffaċċjaw kull sitwazzjoni li tista’ tinqala’.
Id-dedikazzjoni bla waqfien u t-tagħmir mill-aktar avvanzat tagħhom jiżguraw li l-istandards tas-sikurezza tal-ajruport tagħna jibqgħu l-ogħla li jistgħu jkunu.