Hemm bżonn li jiġu introdotti regolamenti adegwati biex jiġi żgurat li l-livell ta’ taħriġ tal-ewwel għajununa li jingħata minn diversi entitajiet, ikun wieħed li jirrifletti livelli internazzjonali.
Il-Membru Parlamentari Ewropew Miriam Dalli sostniet li kors bażiku fl-ewwel għajnuna huwa essenzjali, għalhekk hemm bżonn li l-korsijiet li jingħataw ikunu tal-għola kwalità. Fuq dan l-aspett huwa meħtieg li jkun hemm awtorita’ li tiċċertifika li l-korsijiet li qed jingħataw ikunu jirriflettu l-aħħar linji gwida maħruġa minn entitajiet kompetenti.
Fi żjara li għamlet fil-Kwartieri tal-Malta Red Cross f’Pembroke, Miriam Dalli semgħet kif is-Soċjeta’ toffri taħriġ f’dan il-qasam u x’metodoloġija tuża fid-diversi programmi ta’ taħriġ li toffri. Fil-fatt is-Soċjeta’ tħarreġ mijiet ta’ persuni kull sena fl-aħħar prattiċi tal-ewwel għajnuna.
Matul din iż-żjara, id-Direttur Ġenerali tal-Malta Red Cross, Paulette Fenech, qalet li fost l-aħħar investimenti li għamlet is-soċjeta’ fl-operat tagħha kien hemm vettura ġdida b’tagħmir mediku biex tagħti l-ewwel għajnuna fuq il-post ta’ inċident fl-iqsar ħin possibbli. Din il-vettura bdiet tintuża f’Ġunju li għadda bħala parti minn proġett pilota li jiffoka fuq in-naħa ta’ fuq tal-pajjiż għal matul ix-xhur tas-sajf, meta din in-naħa ta’ Malta tilqa fiha’ l-akbar numru ta’ turisti li jżuru pajjiżna. F’tliet xhur biss, l-uffiċjali offrew l-assistenza tagħhom f’aktar minn 650 każ.
Filwaqt li l-maġġoranza tal-każijiet kienu inċidenti żgħar, sfortunatament kien hemm ukoll każijiet ferm aktar serji. Grazzi għall-ħdima tal-Malta Red Cross, flimkien mad-Dipartiment tas-Saħħa u l-Protezzjoni Ċivili, numru ta’ persuni ġew anke salvati mill-mewt.