Barra l-Qorti, il-Prim Ministru Robert Abela appella lill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech biex jiġbdu ħabel wieħed fil-kawża tal-arbitraġġ internazzjonali dwar il-kawża tal-isptarijiet.
Il-Prim Ministru tenna dan il-messaġġ f’kummenti mal-ġurnalisti wara li l-Gvern ressaq is-sottomissjonijiet tiegħu fil-kawża li nfetħet mill-istess Grech u Adrian Delia kontra l-Avukat tal-Istat dwar l-isptarijiet.
Qal, “Ejja niġbdu ħabel wieħed fl-arbitraġġ internazzjonali. Ejja ma nipprovawx nagħmlu kawża quddiem il-Qrati tagħna li nipprovaw nimminaw iċ-ċansijiet u l-opportunitajiet li għandu l-Gvern kontra Steward quddiem l-arbitraġġ internazzjonali. Jiena propens li safejn il-limiti ta’ kunfidenzjalità jippermettu u nista’ nafda lill-Kap tal-Oppożizzjoni, nagħtu l-andament tal-proċeduri, nagħtuhom l-azzjonijiet kollha li qed jagħmel il-Gvern, nistgħu nieħdu suġġerimenti min-naħa tal-Oppożizzjoni, imma ejja niġbdu l-interess nazzjonali f’dawn il-proċeduri ta’ arbitraġġ.”
Mal-ġurnalisti, Dr Abela sostna li b’din il-kawża li fetħet l-Oppożizzjoni kontra l-Avukat tal-Istat qed tipprova tirbaħ punti politiċi.
Qal, “Ma jaqbilx għal kulħadd li f’dak l-Arbitraġġ, li huwa l-veru forum fejn aħna nistgħu nikkawtellaw l-interessi tal-istat, flok hawnhekk, biex noqogħdu nirbħu l-punti partiġġjani politiċi, ma jaqbilx li niġbdu ħabel wieħed. Dan l-appell lill-Kap tal-Oppożizzjoni qed nagħmillu llum b’mod formali, għamiltulu qabel b’mod informali u nagħmillu dik l-istedina mill-ġdid. Ma noqogħdux niġu hawnhekk biex nirbħu l-punti politiċi, dawk għandna kampanja ta’ ħames xhur, noqogħdu niddibattuhom hemmhekk. Imma fejn verament hemm l-interessi tal-istat niġbdu ħabel wieħed, lest li nagħtu l-informazzjoni kollha li tista’ tingħata lill-Kap tal-Oppożizzjoni u ngħidu verament aħna din il-kwistjoni ta’ interess nazzjonali, ejja nipparteċipaw fiha, flimkien.”
Fil-Qorti, quddiem l-Imħallef Giovanni Grixti, l-Avukat tal-Gvern Dr Ian Borg tenna li l-kawża tal-Oppożizzjoni hi surreali.
Fis-sottomissjonijiet tal-Gvern intqal li hu fl-interess u l-obbligu li l-Gvern jintervjeni fil-kawża biex iħares is-setgħa li għandu permezz tal-mandat li ngħata mill-poplu b’mod demokratiku.
Ġie argumentat ukoll li din il-kawża li fetħu Grech u Delia ġiet wara diversi strateġiji mill-Partit Nazzjonalista kontra l-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija.
Mal-ġurnalisti, il-Prim Ministru Robert Abela rreaġixxa hekk dwar l-azzjonijiet tal-Oppożizzjoni.
Qal, “Dalgħodu żvolġiet sitwazzjoni unika, insejħilha hekk, fl-awla tal-Imħallef Grixti fejn is-sottomissjonijiet tal-Kap tal-Oppożizzjoni kienu juru mill-aktar ċar kemm il-Partit Nazzjonalista qata’ qalbu milli jmexxi lil dan il-pajjiż. Litteralment jaf li m’għandux il-fiduċja tal-poplu u allura li qed jipprova jagħmel hu li jżarma s-setgħat tal-Gvern milli jmexxi lil dan il-pajjiż u ftit, ftit dawk is-setgħat bis-saħħa tal-Qorti jimxu lejn l-Oppożizzjoni. Jiġifieri dak li trid l-Oppożizzjoni hu jew hi sitwazzjoni kostituzzjonali u istituzzjonali, fejn l-Oppożizzjoni fil-minoranza tmexxi l-Gvern hi.”