Il-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, Stefan Zrinzo Azzopardi, din il-ġimgħa saħaq fil-Parlament li, qatt daqs illum, ma kien aktar importanti li nħarsu bis-sħiħ lejn il-pjani biex pajjiżna jkollu viżjoni ċara dwar proġetti ta’ reklamazzjoni tal-art mill-baħar.
Il-Ministru qal li hu importanti li nikkunsidraw id-daqs ta’ pajjiżna qabel naraw kif se nkomplu nkattru l-ekonomija u, għalhekk, li jeħtieġ li jkun hemm pjan dwar kif se jsiru proġetti ta’ reklamazzjoni fil-baħar biex jikber it-territorju Malti.
Ir-reklamazzjoni tal-art, minbarra li ntużat okkażjonalment f’pajjiżna fl-imgħoddi, bħal fil-każ tal-Port Ħieles u fl-Imsida, fost l-oħrajn, hu argument li jitqajjem minn żmien għall-ieħor.
Art ġdida li tinħoloq fil-baħar fejn illum mhemmx, tista’ sservi għal diversi skopi għall-ġid tal-pajjiż u l-poplu.
Iżjed minn hekk, il-Ministru tenna li dan jagħti opportunità wiesa’ ta’ investimenti oħrajn, li jħallu impatt fuq il-ħajja tan-nies, u b’hekk ma jintilfux. Semma l-potenzjal li r-reklamazzjoni toffri biex, flimkien mas-settur privat, ikompli jiġi aktar investiment ġdid lejn pajjiżna.
Fid-diskors tiegħu waqt il-ħin tal-Aġġornament, Zrinzo Azzopardi elenka kemm is-settur marittimu minn dejjem kien strumentali għal pajjiżna u hu kruċjali li jkompli jissaħħaħ.
Bħala eżempju, il-Ministru semma l-investiment tax-shore-to-ship fil-Port il-Kbir, li sar permezz ta’ fondi Ewropej, waqt li kompla jħeġġeġ biex jitħaffef ix-xogħol għal faċilitajiet simili anke fil-Freeport f’Birżebbuġa biex il-komunità ta’ din il-lokalità tgawdi wkoll minn arja aktar nadifa.