Waqt li kien qed jitkellem fil-Kunsill tal-Ministri għall-Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur (EPSCO) dwar il-bżonn ta’ miżuri fuq livell Ewropew konta d-diskriminazzjoni, il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Edward Zammit Lewis qal li “ma nistgħux nistennew lis-soċjetà tinbidel, iżda rridu nkunu aħna li nittrasformaw is-soċjetà permezz ta’ leġiżlazzjoni b’saħħitha u nfurzar effettiv”.
Il-Ministri Ewropej iltaqgħu fil-kuntest tad-Direttiva kontra kull forma ta’ diskriminazzjoni li ilha pendenti ħdax-il sena minħabba nuqqas ta’ qbil unanimu fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
Għalkemm fuq livell Ewropew hemm leġiżlazzjoni komuni kontra d-diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol kif ukoll qafas sod biex tipproteġi l-ugwaljanza bejn is-sessi, l-Unjoni Ewropea m’għandhiex regoli komuni kontra forom oħra ta’ diskriminazzjoni.
Il-Ministru Zammit Lewis saħaq li fl-era tal-media soċjali, fejn id-diskors ta’ mibgħeda qiegħed dejjem jiżdied u d-diskriminazzjoni tippersisti f’diversi forom, jeħtieġ li l-Istati Membri ma jibqgħux ikaxxkru saqajhom biex l-Unjoni Ewropea timxi ‘l quddiem b’vuċi waħda favur din id-Direttiva.
Fl-intervent tiegħu, Dr. Zammit Lewis rrefera ukoll għaż-żewġ abbozzi li qegħdin quddiem il-Parlament ta’ Malta u li se jelevaw id-dritt tal-ugwaljanza għal kulħadd u f’kull aspett bħala dritt fundamentali tal-bniedem. F’dan ir-rigward, huwa żied illi għalkemm Malta għamlet avvanzi kbar f’dan is-settur fl-aħħar 6 snin, l-aġenda tal-ugwaljanza għandha tkun waħda komuni fost il-Membri kollha tal-Unjoni Ewropea biex id-diversità tkun tassew rispettata.
Il-Kummisarju Ewropew li attwalment responsabbli minn dan il-qasam, Vera Jurova, qalet li l-Kummissjoni l-ġdida li se titmexxa minn Ursula Von der Leyen se tagħmel aktar enfażi fuq l-Ugwaljanza permezz ta’ portafoll speċifiku li ġie fdat f’idejn il-Kummissarju-elett, Dr. Helena Dalli. F’dan il-kuntest, il-Ministru Zammit Lewis ġedded l-impenn tiegħu li jaħdem id f’id ma’ Dr Dalli biex l-aġenda amibzzjuża għall-ugwaljanza tkun implimentata.
Il-Kunsill tal-Ministri li sar fil-Lussemburgu apparova wkoll il-konklużjonijiet mressqa mill-Presidenza Finlandiża dwar l-ekonomija tal-benesseri, primarjament kif iċ-ċittadini Ewropej ser jibbenefikaw aktar u b’mod dirett mit-tkabbir ekonomiku fil-pajjiżi rispettivi.
Waqt l-istess Kunsill, Dr. Zammit Lewis kellhu ukoll numru ta’ laqgħat informali mal-kollegi Ministri Ewropej, fosthom mal-Ministru għall-Affarijiet tal-Familja u l-Integrazzjoni tal-Lussemburgu, Corinne Cahen.