“Fir-rigward tal-migrazzjoni irregolari, naħsbu li hemm ħafna aktar xogħol xi jsir. Id-dimensjoni esterna tal-migrazzjoni għandha tibqa’ parti ċentrali tal-approċċ komprensiv tagħna biex nindirizzaw l-isfidi tal-migrazzjoni irregolari. Irridu ninvolvu ruħna mal-imsieħba fuq approċċ ta’ rotta sħiħa u naħdmu b’riżorsi biex nipprevjenu t-telf ta’ ħajjiet, innaqqsu l-movimenti primarji, u nżidu r-rata tar-ritorn.”
Dan enfasizzah il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, Ian Borg, fil-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali tal-Unjoni Ewropea li ffinalizza t-tħejjijiet għall-Kunsill Ewropew li se jsir aktar tard din il-ġimgħa.
Il-Kunsill Ewropew, li għalih se jattendi l-Prim Ministru Robert Abela, se jqis ix-xogħol li sar dwar il-migrazzjoni u se jiddiskuti wkoll is-sitwazzjoni fl-Ukrajna, li tkompli tkun suġġett importanti fuq l-aġenda tal-mexxejja Ewropej.
Il-Kunsill se jissokta wkoll fuq il-ħidma tiegħu ta’ Marzu dwar is-Suq Uniku u l-kompetittività, is-sigurtà ekonomika tal-UE, kif ukoll numru ta’ materji ta’ relazzjonijiet esterni, inklużi r-relazzjonijiet maċ-Ċina u l-Viċinat tan-Nofsinhar.