“Huwa l-mument li jittieħdu d-deċiżjonijiet politiċi”, saħaq il-Kummissarju Ewropew għall-Immigrazzjoni Dimitris Avramopoulos qabel daħal għal-laqgħa importanti f’Malta bejn ħames stati membri dwar l-immigrazzjoni.
Hemm bżonn ta’ rieda politika mingħand kulħadd saħaq il-Kummissarju Ewropew li deher ottimist li fi tmiem din il-laqgħa jkun hemm soluzzjoni dwar din il-kwistjoni li matul is-sajf li għadu kemm għadda sabet lill-Ewropa fuq sieq waħda.
Avramopoulos qal li ma nistgħux nibqgħu għaddejjin b’soluzzjonijiet adhoc meta tfaqqa’ xi kriżi umanitarja fil-Mediterran.
Fuq kollox saħaq li fi tmiem il-laqgħa Ministerjali li sejħilha bħala importanti qed jistenna li għal bidu jkun hemm soluzzjoni bejn għadd ta’ stati membri iżda saħaq li finalment is-sebgħa u għoxrin stat membru jridu jkunu parti minn politika ċara għall-immigrazzjoni.
Huwa semma wkoll li r-ripatrijazzjoni ta’ immigranti li ma jirċevux l-ażil hija kwistjoni importanti u jeħtieġ li l-Ewropa tieħodha iżjed bis-serjetà.
http://www.one.com.mt/2019/09/23/hames-ministri-ewropej-ser-jiddiskutu-l-isfida-tal-imigrazzjoni-fpajjizna-3/