Studju li sar minn grupp ta’ dentisti u riċerkaturi mill-Università ta’ Malta juri li ħafna Maltin ma jafux jinterpretaw l-informazzjoni fuq il-prodotti tal-ikel, biex jaraw kemm dan ikun fih zokkor.
Dan l-istudju sar fost 122 persuna li għandha aktar minn 18-il sena, numru li jidher żgħir, li iżda xorta ta riżultati indikattivi.
Dr Anne-Marie Agius, riċerkatriċi li kienet parti mit-tim wara dan l-istudju, spjegatilna li anqas minn nofs il-parteċipanti kienu kapaċi jaqraw u jinterpretaw l-informazzjoni nutrittiva fuq il-prodotti tal-ikel.
Hija spjegat: “Kien hemm anqas min-nofs li kienu jafu jaqraw u jinterpretaw. Għamilnielhom test żgħir ukoll fuq prodott tal-ikel u staqsejniehom kemm jaħsbu li hemm zokkor fih skont l-informazzjoni. In-nies li wieġbu tajjeb kien hemm anqas min-nofs, biex inkunu eżatt, 41%. Hija inkwetanti xi ftit għaliex dak li jkun mhux qed jifhem x’hemm u jista’ jkun qed jikkonsma xi ħaġa li mingħalih tkun sustanzjuża imma mhix.”
Spjegatilna wkoll li l-istudju ra x’rabta hemm bejn li persuna tinterpreta l-informazzjoni fuq prodott tal-ikel li tkun se tuża, u s-saħħa tas-snien.
Dr Agius sostniet: “U finalment sibna, li meta eżaminajna l-ħalq tal-persuni, rajna li dawk li qalulna li jagħtu kas aktar it-tabelli tal-prodotti tal-ikel, kellhom anqas tħassir tas-snien, jiġifieri hija verità.”
Apparti informazzjoni u gwidi li toħroġ l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa dwar kif wieħed jista’ jinterpreta din it-tip ta’ informazzjoni, id-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika f’Malta jqassam ukoll fuljett li wieħed jista’ jżomm fuqu, li jgħin fl-interpretazzjoni tal-informazzjoni nutrittiva.
Hija saħqet: “Jekk wieħed ifittex isib. Imma forsi min-naħa tagħha bħala professjonisti fil-qasam tas-saħħa pubblika, irridu noħorġu niltaqgħu man-nies ukoll biex nagħmlu l-informazzjoni aktar disponibbli.”
Dr Laura Cuschieri, Maria Roxana Visan, Dr Gabriella Gatt, u l-Professur Nikolai Attard, ilkoll mexxew l-istudju.