Il-11 ta’ Ottubru jfakkar il-Jum Nazzjonali tat-Tifla. Għal din is-sena, il-Ġnus Magħquda għażlet tema favur aktar ugwaljanza bejn is-sessi, sabiex il-mara tkompli tiżviluppa l-ħiliet tagħha u tilħaq il-potenzjal kollu tagħha.
B’rabta ma dan il-jum, il-President ta’ Malta, Marie Louise Coleiro Preca, żaret numru ta’ skejjel fosthom il-Junior College u l-campus tal-MCAST f’Raħal Ġdid.
Il-President spjegat kif permezz ta’ inċentivi tal-Gvern bħaċ- child care bla ħlas, f’erba’ snin ir-rata ta’ parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol żiedet b’20%. Il-President Coleiro Preca saħqet ukoll li ż-żieda ta’ studenti nisa fl-Università għandha tirrifletti wkoll fis-suq tax-xogħol.
Hija qalet “li tiggradwa mill-Università mhux biżżejjed. Ikollna bżonn ukoll li jkun hemm preżenza qawwija ta’ nisa fil-livelli kollha tat-tmexxija biex ikollna tassew pajjiż li jkun ugwali, pajjiż li jkun ekwu, u pajjiż li jkun inklussiv”.
Il-President fakkret kif skond il-bank dinji, l-ugwaljanza bejn is-sessi tista’ tkabbar il-ġid tad-dinja b’160 triljun.
Britney Agius, studenta tal-Junior College, saħqet ukoll kif kull sess għandu jitqies l-istess u s-sessi għandhom bżonn jaħdmu aktar ma’ xulxin għall-aħjar żvilupp tas-soċjetà.
Hija temmen li “in-nisa għandhom jieħdu aktar inizjattiva sabiex ikollna soċjetà inklussiva u nkunu nistgħu nkunu iktar interdipendenti fuq xulxin, għaliex l-irġiel għandhom bżonn in-nisa, u n-nisa għandhom bżonn l-irġiel. B’hekk ngħaqqdu l-ideat tagħna u jkollna soċjetà aħjar”.