Tliet snin ħabs u multa ta’ ftit anqas minn €1.5 miljun għal tliet persuni li nstabu ħatja ta’ kuntrabandu tas-sigaretti wara li impurtaw 99 kaxxa sigaretti, liema oġġetti kien stmat li kellha titħallas is-somma ta’ €145,000 taxxa.
Anthony Cremona u Shannon Cauchi residenti l-Ħamrun u Michael Borg minn Raħal Ġdid instabu ħatja li f’Lulju tal-2013 daħlu Malta ammont kbir ta’ sigaretti tal-kuntrabandu.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Anthony Vella semgħet kif l-akkużati nqabdu mill-Pulizija wara tfittxija f’vann fix-Xemxija waqt li kienu qed jitniżżlu l-kaxxi minn fuq lanċa tas-sajd.
Wara li rrivediet dak kollu li tressaq quddiemha, il-Qorti ordnat li kull akkużat iħallas is-somma ta’ €488,000 u tliet snin ħabs. Apparti minn hekk il-Qorti ordnat li tiġi kkonfiskata l-lanċa, liema lanċa hi ta’ Michael Borg.