Madwar tliet mitt student li jinsabu fl-ewwel sena tal-kors biex jiksbu baċċellerat fil-kummerċ mill-Università ta’ Malta se jiġu dikjarati li weħlu minn eżami li sar fl-4 ta’ Diċembru wara li l-Università sabet evidenza biżżejjed li kien hemm min qarraq waqt l-eżami.
Jirriżulta li kien hemm chat fost diversi studenti fejn waqt il-ħin tal-eżami, li sar fuq pjattaforma online, kienu qed isaqsu għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet tal-eżami.
Jirriżulta li f’din iċ-chat ingħataw tweġibiet għall-mistoqsijiet fl-eżami.
One.com.mt jista’ jiżvela siltiet miċ-chat li għadha attiva sal-lum fejn fiha hemm nies jitkellmu dwar tweġibiet u mistoqsijiet fil-ħin tal-eżami.
ONE News qed jgħatti l-identità tan-nies li kitbu fuq din iċ-chat biex jipproteġi s-sors minn fejn kiseb l-informazzjoni.
ONE News ra wkoll kif parti mill-kontenut taċ-chat li ntużat waqt l-eżami tħassar hekk kif iċ-chat fuq messenger tagħtik iċ-ċans tħassar messaġġ li tkun bgħatt.
L-eżami kien dwar il-matematika u jidher li kien fih x’togħmod mhux ħażin.
Il-fakultà tal-Ekonomija u l-Management qalet li jekk l-istorja tirrepeti ruħha se jkun qed jintervjeni l-bord tad-dixxiplina tal-Università ta’ Malta.
Studenti li qed jgħidu li ma kinux involuti f’dan l-att ta’ qerq ħassewhom urtati u qalu li mhux sew li mal-ħażin, weħel it-tajjeb.