Każ ta’ pussess ta’ droga fil-ħabs u li jmur lura għall-2012 nqata’, bl-imputat jinstab ħati u jiġi ordnat iservi tliet xhur ħabs effettivi.
Fil-fatt, dwar il-każ li jinvolvi lil Joseph Grech ta’ 58 sena instema kif waqt spezzjoni fiċ-ċella tiegħu kien instab materjal tal-foil li kien maħruq flimkien ma’ karta mrembla u li kienet tinkludi traċċi ta’ sustanza maħsuba droga.
Dan waqt li Grech kien waħdu f’din iċ-ċella.
Fil-fatt, wara li saru t-testijiet ġie kkonfermat li din is-sustanza kienet eroina.
Tul il-każ ingħad ukoll li Grech ta l-istqarrijiet lill-Pulizija madankollu dawn l-istess stqarrijiet il-Qorti ddeċidiet li ma tgħoddomx mal-provi wara li ġie nnutat li l-imputat ma kellux assistenza legali waqt li kien qed jiġi interrogat.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras sostniet li minkejja li ma kienx hemm indikazzjoni tal-piż tas-sustanza li ntużat u b’hekk qieset dan il-piż minimu, xorta waħda ma kienx hemm dubju li l-imputat għamel użu mid-droga għaliex il-foil kien maħruq.
Il-Qorti sostniet ukoll li fl-ebda ħin ma ġie ppruvat li Grech kien daħħal id-droga fil-ħabs madankollu qieset il-fedina penali tiegħu li kienet waħda kkulurita sew.
Din fost oħrajn kienet tinkludi, pussess ta’ droga f’diversi okkażjonijiet, traffikar tal-eroina, ksur ta’ kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest u li kkaġuna feriti ta’ natura ħafifa.
Filwaqt li ġie ordnat iservi tliet xhur ħabs, l-imputat ġie ordnat iħallas l-ispejjeż tal-Qorti.