Raġel ta’ ħamsin sena minn Wied il-Għajn ġie kkundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin u mmultat tmintelef ewro wara li ammetta li qatel kelba wara li waddabha minn għoli ta’ żewġ sulari.
Il-każ seħħ f’Settembru li għadda fi Triq De Rohan f’Wied il-Għajn fejn ir-raġel xeħet il-kelba tiegħu minn żewġ sulari u qatilha kiesaħ u biered.
Jirriżulta li meta mitkellem mill-Pulizija ftit wara l-ħin tar-reat, l-akkużat kien taħt l-effett tal-pilloli kontra d-dipressjoni kif ukoll taħt l-effett tax-xorb.
Il-Qorti qalet li azzjonijiet simili bħal dawn ineżżgħu lill-bniedem minn kull dell tal-umanità u saħqet li l-piena għandha tkun waħda li tirrifletti s-serjetà tar-reat u li tgħaddi messaġġ ċar lis-soċjetà li għemil bħal dan ma jista’ qatt jiġi tollerat.
Fid-dawl ta’ dan il-Qorti mponiet sentenza sospiża fil-massimu tal-piena.