Raġel ta’ 37 sena li jgħix minn Raħal Ġdid ġie ikkundannat 20 xahar ħabs wara li nstab ħati li f’Ottubru ta’ sentejn ilu seraq ħames arloġġi tal-idejn minn ħanut f’Raħal Ġdid.
Il-puluzija qalu wkoll li kiser il-kundizzjonijiet li bihom inħeles mill-arrest f’żewġ kaijiet separati.
Impjegata fil-ħanut xehdet li rat lill-akkużat ħiereġ b’ġakketta mimlija u mbuttaha wara li talbitu jiftaħha.
Fl-istqarrija lill-Pulizija l-akkużat kien ammetta li kien fil-ħanut iżda ċaħad li seraq l-arloġġi mill-ħanut.
Qal li rrifjuta li jiftaħ il-ġakketta għax tal-ħanut ma kellux dritt iġiegħlu jagħmel hekk.
Il-Maġistrat Rachel Montebello sabitu ħati u minbarra l-20 xahar ħabs ħarġet ordni ta’ trattament għal tliet snin biex ir-raġel ikun mgħejjun jegħleb il-vizzju tad-droga li għandu.
Hija ordnat ukoll il-konfiska tal-€4,000 garanzija personali li fuqhom kien ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq iż-żewġ każijiet l-oħra.