Il-Qorti kkundannat Għawdxi ta’ 46 sena jħallas multa ta’ €20,000 wara li nstab ħati li kien qed jimmanifattura u jaħżen logħob tan-nar illegalment f’kontejner viċin kunvent tal-patrijiet tal-Ġiżwiti fi Triq Santa Duminika fil-limiti ta’ bejn il-Fontana u r-Rabat Għawdex.
Kien f’Mejju 2015 li ngħaddiet informazzjoni lill-Pulizija li kien hemm materjal splussiv maħżun għall-logħob tan-nar f’post mhux liċenzjat. Fil-kontejner instab nar maħdum għall-feta fosthom tliet saluti tal-ħamsa, sittax-il murtal beraq tal-ħamsa u ammont żgħir ta’ nar tal-art.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud rtiratlu l-liċenzja biex jimmanifattura logħob tan-nar kif ukoll ordnat il-kkonfiska tal-materjal splussiv maqbud, il-kontejner bl-oġġetti kollha misjubha ġo fih.
Il-Qorti qalet li sabiex jissodisfa d-delizzju tiegħu, l-imputat poġġa fil-periklu l-ħajja tiegħu kif ukoll dik ta’ dawk li setgħu jkun fil-qrib tal-post. Il-Maġistrat qal li l-pieni mhux biss tirrifletti is-serjetà tar-reati kif ukoll ta’ deterrent biex l-imputat ma jerġax jikkommetti reati simili, iżda qal li għandha twassal messaġġ sabiex ħadd ma jagħmel bħalu.
Huwa ġie kkundannat iħallas ukoll €2,000 fi spejjeż tal-Qorti.