Raġel ta’ 32 sena residenti l-Furjana u li ismu ma jistax jixxandar b’ordni mill-Qorti, weħel sentenza ta’ 9 xhur ħabs wara li ta daqqiet lill-għarusa tiegħu u kisrilha ħalqha.
Quddiem il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Nadine Lia ħareġ kif l-akkużat u l-mara għandhom żewġt itfal, li dak il-lejl kienu tħallew ma’ missier ir-raġel.
Il-każ imur lura f’Marzu tal-2017 f’appartament tal-vittma f’San Pawl il-Baħar. Fil-Qorti ntqal kif l-argument vjolenti beda wara li l-akkużat daħal bin-nervi għax il-mara kienet iddejqet Paceville.
Ġie spjegat kif il-ġirien semgħu l-għajjat u ċemplu lill-Pulizija, li sabuha tibki. L-uffiċċjali arrestaw lir-raġel fuq il-post.
Fix-xhieda tal-vittma fil-Qorti ħareġ kif l-għarus beda jtiha daqqiet ta’ ponn, żammilha ħalqha biex ma tgħajjatx u li snienha bdew jiċċaqalqu. Qalet li wara dan kellha tagħmel intervent kirurgu.
Il-Qorti rat kif il-fedina penali tal-imputat hija waħda kkulurita, fosthom b’każijiet relatati ma’ droga.