Khaled Rhami mill-Marokk ġie kkundannat ħames snin ħabs wara li ammetta għal sensiela ta’ serqiet mill-inħawi tas-Swieqi, San Ġiljan, Pembroke u San Ġwann fix-xhur wara li ħarab miċ-ċentru ta’ detenzjoni ta’ Ħal Safi.
Ir-raġel ta’ 26 sena ħarab miċ-ċentru tal-immigranti f’Lulju li għadda, u ammetta li f’okkażjonijiet differenti matul Awwissu seraq xi ġojjelli fi tlett idjar privati fis-Swieqi.
Ir-raġel ammetta ukoll li seraq apparat elettroniku minn appartament f’San Ġiljan.
Huwa seraq ġojjelli, arloġġi u apparat elettroniku minn erba’ residenzi differenti f’Pembroke, waqt li pprova jisraq ukoll minn appartament f’San Ġiljan, filwaqt li f’Diċembru ammetta li seraq flus u oġġetti oħra minn dar fis-Swieqi u minn dar oħra f’San Ġwann.
Huwa ammetta ukoll li matul Diċembru daħal f’residenza oħra fis-Swieqi bla permess.
Quddiem il-Maġistrat Nadine Lia, Rhami wera sogħba għal dak li għamel u ddikjara li jiddispjaċiħ ħafna li għamel hekk quddiem Alla.
Huwa qal li waqt xi serqiet kien jikkonsma d-droga, u li kien jagħti l-oġġetti li jisraq lil wieħed Niġerjan, li iżda qatt ma identifikah.