Samir Almiri ġie kkundannat erbgħa u tletin sena ħabs wara li ammetta li, fl-elfejn u għoxrin, qatel lil Victor McKeon. Il-vittma, li kellu tnejn u sittin sena kien nstab mejjet f’appartament f’Santa Luċija fis-sbatax ta’ Marzu tal-elfejn u għoxrin.
Almiri, li illum għandu wieħed u erbgħin sena u li hu Libjan, kien jgħix mal-istess McKeon u anke kellu wkoll iċ-ċavetta tal-appartament.
Fil-kors tal-investigazzjoni rriżulta li l-pulizja marru fl-appartament tal-vittma wara li kienu rċevew telefonati ta’ riħa qawwija ġejja mill-istess appartament. Hawn kienu sgassaw t-tieqa tal-appartament fejn sabu demm imċappas ma’ xi bibien u ħitan u l-katavru tal-vittma mgeżwer b’boroż taż-żibel.
Mill-awtopsja rriżulta li l-vittma kien miet fgat xi tlieta jew erbat ijiem qabel wara li wkoll kien qala’ diversi daqqiet f’rasu.
Aktar tard, il-katavru ġie identifikat minn ħut McKeon, li informaw lill-Pulizija li dan kien jgħix ma’ Samir Almiri, iżda l-pulizija ma setgħetx issibu għax kien laħaq siefer ftit jiem qabel.
Il-Pulizija mill-ewwel bdiet bl-investigazzjonijiet tagħha, fejn il-Libjan kien instab f’Casablanca, il-Marokk, fejn ġie arrestat u estradit lejn pajjiżna.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni qalet li nstabu marki tas-swaba’ ta’ Almiri fuq il-boroż, iżda Almiri qal li hu seta’ mess il-boroż qabel. DNA t’Almiri u ta’ McKeon instabu fl-appartament.
L-Avukat li deher għall-akkużat, Dr Daniel Attard, u l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qablu f’patteġġjament ma’ piena ta’ 34 sena ħabs mal-ammissjoni mill-akkużat.