John Bugeja ta’ 49 sena li jgħix iż-Żebbuġ Għawdex ġie kkundannat 18-il xahar ħabs hekk kif instab ħati ta’ sitt akkużi ta’ serq f’numru ta’ okkażjonijiet.
Fost l-oħrajn il-Qorti semgħet kif bejn Ottubru u Novembru tal-2018 l-imputat wettaq bosta serqiet jew attentati ta’ serq, fosthom minn ristorant fir-Rabat Għawdex li minnu prova jisraq oġġetti li l-valur tagħhom jaqbeż l-€2,300. Hawnhekk jidher ukoll li għamel ħsara fuq ħwejjeġ ta’ terzi persuni li tammonta għal €250.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud semgħet ukoll kif f’okkażjoni oħra seraq il-mowbajl tal-Kappillan tal-Parroċċa ta’ Kerċem mill-Knisja stess, li laqa’ oġġetti misruqa, żamm persuna kontra l-volontà tagħha, hedded persuni oħra u seraq ċilindru tal-gass mill-pjazza taż-Żebbuġ Għawdex.
L-imputat inqabad ukoll iżomm armi fuqu mingħajr il-liċenzja meħtieġa u kiser il-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja. B’hekk il-Qorti ntalbet tikkunsidrah bħala riċediv.
Il-Qorti sabitu ħati ta’ sitt akkużi minn tnax, u kkundannatu 18-il xahar ħabs.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Josef Gauci.
Ritratt: Dun Brian Mejlak/Facebook