JeanPaul Sofia, żagħżugħ ta’ 20 sena, b’xorti ħażina nstab mejjet qalb it-tifrik tal-binja li ġġarfet fiż-Żona Industrijali ta’ Kordin.
Kien fis-sigħat bikrin tal-Ħadd u wara operazzjoni delikata ta’ 15-il siegħa li nstab ġisem il-ġuvni.
L-inċident seħħ għall-ħabta tal-10 tas-Sibt filgħodu meta l-maħżen, li kien għadu qed jinbena, sfronda b’sitt persuni ġo fiha.
L-ewwel ħames persuni nħarġu fi ftit ħin mil-ħaddiema tas-salvataġġ, bi tlieta minnhom jiddaħħlu l-isptar f’qagħda kritika.
Is-sitt persuna, li huwa ż-żagħżugħ li kien imfittex, baqa’ ma nstabx u kien hawn li kompliet ħidma delikata u perikoluża ħafna li matulha tneħħew tunnellati sħaħ ta’ materjal mis-sit.
Wara li tneħħa ammont kbir ta’ ġebel bl-idejn, il-ħidma imbagħad kompliet permezz ta makkinarju speċjalizzat li bih bdew jitneħħew is-soqfa u travi kbar li kienu ġġarrfu.
Preżenti fuq il-post kien hemm ukoll membri mit-Taqsima tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei kif ukoll uffiċjali mid-Dipartiment tas-Saħħa u Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol.
B’reazzjoni għal din l-aħbar il-Prim Ministru Robert Abela wassal il-kondoljanzi tiegħu lil qraba tal-vittma filwaqt li rringrazzja lil ħaddiema minn dipartimenti differenti, tax-xogħol tagħhom f’kundizzjonijiet mill-aktar diffiċli.
Fuq il-midja soċjali, il-Ministru għall-Intern, Sigurtà, l-Ugwaljanza u Riformi Byron Camilleri, ukoll bagħat il-kondoljanzi lill-familja f’dan il-mument diffiċli.
Huwa rringrazzja lill-għexieren ta’ ħaddiema li kienu involuti f’din l-operazzjoni delikata u twila ta’ salvataġġ, li permezz tagħha ġew salvati ħames persuni mit-tifrik.