L-uffiċjal operattiv tal-Partit Nazzjonalista Jean Pierre Debono akkuża lil Mark Anthony Sammut b’qerq.
B’reazzjoni għall-akkużi li għamel kontrih tard il-Ħadd filgħaxija, Jean Pierre Debono sostna li l-persuna li qed iqarraq f’dan kollu huwa Mark Anthony Sammut li sal-bieraħ kien l-Uffiċjal responsabbli mill-Kumitat Eżekuttiv u min ikun fil-listi tal-vot.
Debono qal li Mark Anthony Sammut jaf li qabel bdiet il-laqgħa staqsih għal-lista u l-affarijiet marbuta mal-Elezzjoni. Qal li wieġbu li hu ma kellu x’naqsam xejn mal-listi u mal-preparazzjoni għal din l-elezzjoni peress li kien se njkun involut direttament fiha hu.
Debono li għada kien mistenni jieħu s-siġġu ta’ Stellini qal li Mark Anthony Sammut jaf li l-lista ma ħadhiex mingħandu u li hu ma kkumpilax il-lista.
Sosnta li kellu jkun hu li jmexxi l-elezzjoni u jara li l-lista li kellu f’idejh hija korretta, aġġornata u mal-istatut.
“Mark Anthony Sammut mexxa kemm il-laqgħa kif ukoll l-Elezzjoni. Kien hu li għajjat l-ismijiet tal-persuni wieħed, wieħed biex jivvotaw hu. Mark Anthony Sammut jaf b’dan kollu u jaf li dan li qed ngħid jiena mhu xejn għajr il-verità”, temm jgħid Debono li reġa’ jinsab fiċ-ċentru ta’ kontroversja tbagħbis f’elezzjoni fil-Partit Nazzjonalista.
B’reazzjoni, Mark Anthony Sammut xerred il-lista allegatament imbagħbsa minn Debono u kiteb: Jien qed nigdeb u hu (Jean Pierre Debono) ma kellux x’jaqsam mal-lista qal”.
“F’ġieħ is-sewwa, erfgħu r-responsabbiltà tagħkom. F’ġieħ is-sewwa, tkomplux tisservew bil-partit tagħna. F’ġieħ is-sewwa, tkomplux tniżżlu l-Partit magħkom”, temm jgħid Sammut li lbieraħ irriżenja minn President tal-Eżekuttiv Nazzjonalista wara li stqarr li kellu jerfa’ r-responsabbiltà politika għall-ikbar telfa storika li ġarrab il-Partit Nazzjonalista fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali.