Il-bini ta’ sit ta’ akkomodazzjoni soċjali ġdid fiż-Żurrieq jinsab fi stadju avvanzat.
Waqt żjara mill-Ministru Roderick Galdes fuq il-lant tax-xogħol, intqal kif dan is-sit fi Triq ta’ Ciantar se jkun qed jinbidel f’saqaf għal 20 familja li huma ġenwinament fil-bżonn u huwa parti minn kullana ta’ proġetti soċjali oħra li jammontaw għal investiment ta’ €130 miljun.
Fil-fatt, il-proġett fi Triq ta’ Ciantar mhux biss se jkun qiegħed joffri għoxrin appartament ta’ housing soċjali ġdid iżda jinkludi wkoll 20 garaxx. L-appartamenti qegħdin jinbnew f’sit ta’ 1,200 metru kwadru, appartamenti li kollha se jkunu aċċessibbli għal persuni b’diżabbiltà.
Il-Ministru Roderick Galdes innota b’sodisfazzjon li l-proġetti ta’ housing soċjali ġodda qed imorru lil hinn mill-istandard ta’ housing soċjali tal-passat.
“L-iskop tagħna huwa li anke l-Housing Soċjali mhux biss dak il-bini li ssoltu konnha mdorrijin naraw fil-passat imma llum il-ġurnata qegħdin nippjanaw bilgħaqal, qed naħdmu anke id f’id mal-komunità biex anke l-units il-ġodda jkunu qed jirrispettaw mhux biss in-normi ambjentali imma wkoll in-nies li jkunu ġejjin joqgħodu fihom jħossuhom parti mill-komunità nnifisha.”
Intant il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, is-Sur Leonid McKay qal li dan kollu jixhed ukoll il-ħidma tanġibbli li qed tagħmel l-Awtorità għal mijiet ta’ familji sabiex tittejbilhom il-kwalità tal-ħajja.
“Huwa propju l-iskop tagħna li naraw li bħala Awtorità qegħdin nolqtu faxex differenti billi nipprovdu soluzzjonijiet differenti u propju l-bini tal-akkomodazzjoni soċjali se jkun qiegħed hemmek sabiex nindirizzaw il-bżonnijiet ta’ dawn l-iktar ġenwinament fil-bżonn.”