Sittax-il persuna jidħlu kull għaxar minuti u għexieren oħra jistennew iċ-ċans tagħhom sabiex jilmħu ċ-ċisterni tal-ilma.
Dan dak li sibna quddiem il-Qorti nhar il-Ħadd, fejn voluntier li kien qiegħed jirregola l-kju ta’ nies stqarr li hekk kif fetħu l-bibien fil-ħdax ta’ filgħodu, in-nies ma waqfux jiffulaw l-entrata li tagħti għaċ-ċisterni.
Il-viżitaturi ma kellhom xejn ħlief kliem ta’ tifħir għal dan is-sit. Semmew b’mod speċjali l-mużika li kkumplimemtat l-atmosfera ta’ taħt l-art, u bost affaxxinaw ruħhom bl-għeruq tas-siġar li jinżlu mal-ħitan bħal purtieri.
Kienu ħafna dawk li affaxxinaw ruħhom li hemm ħafna iktar minn dak li naraw kuljum aħna u nimxu fit-toroq tal-Belt, kif ukoll il-fatt li l-Kavallieri rnexxielhom jibnu dawn iċ-ċisterni mingħajr inġenji.
F’messaġġ fuq Facebook, iċ-Chairman tal-Fondazzjoni Valletta 2018, Jason Micallef, esprima s-sodisfazzjoni tiegħu kif minkejja t-temp in-nies ma qatgħux qalbhom u xorta attendew bi ħġarhom.
Kull min hu interessat li jżurhom, jista’ fil-ġimgħat li ġejjin hekk kif dawn se jinżammu miftuħin għall-pubbliku sal-1 ta’ Lulju.