Bħala parti mis-Sħubija tal-Lvant, il-Ministri għall-Affarijiet Barranin Ewropej iltaqgħu ma’ ministri mill-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Ġorġja u l-Ukrajna.
Hawnhekk ġie diskuss kif jistgħu jkomplu jissaħħu r-relazzjonijiet mal-pajjiżi ta’ dan ir-reġjun.
F’din il-laqgħa f’isem Malta kien hemm il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Ian Borg, li saħaq dwar l-importanza ta’ aktar investiment biex tissaħħaħ is-sigurtà fir-reġjun.
Wara mbagħad saret laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea, fejn iddiskutew il-gwerra fl-Ukrajna, is-sitwazzjoni fl-Iran u sitwazzjonijiet oħra li għaddejjin bħalissa.
Dwar il-gwerra fl-Ukrajna, il-Ministru Borg saħaq li waqt li Malta jkollha l-mandat fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda, se tiżġura li l-assistenza tkompli tilħaq lil dawk l-aktar milquta minn din il-gwerra.
F’din il-laqgħa, il-Ministru Ian Borg sostna fuq l-importanza tar-reġjun tal-Mediterran.
Qal, “Aħna rridu nitkellmu fuq il-Mediterran bħala post fejn wieħed ikabbar il-prosperita ekonomika, il-konnettivita, il-kommunitajiet jiġu eqreb ta’ xulxin, għaliex dan huwa reġjun ta’ opportunitajiet.”
Din il-laqgħa kienet ta’ preparazzjoni fl-isfond li din il-ġimgħa se jiltaqgħu l-mexxejja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea fi Brussell, fosthom il-Prim Ministru Robert Abela.