Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li n-nies li qed jaqilgħu l-qlajjiet kontrih huma alleati ta’ Joseph Muscat u tal-Labour. Delia qal dan f’intervista fuq il-midja tal-Partit Nazzjonalista. Izda fl-stess nifs qal li dawn l-stess nies jippretenduha li huma l-paladini tal-ġustizzja. Delia ma jgawdix l-appoġġ tal-Grupp Parlamentari. U kif velat fil-gazzetti tal-Ħadd, hemm nies mill-kamp tal-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil, li qegħdin jagħmlu minn kollox sabiex ma jiqbax Kap.
Fis-stqarrija l-Partit Laburista qal l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia issa qed iwaħħal fil-Prim Ministru Joseph Muscat, għax dawk ta’ madwaru fil-Partit Nazzjonalista qed jattakkawh. M’hemm bżonn tal-ebda kumment min-naħa tal-Partit Laburista, temmet tgħid l-istqarrija.
Intant, fl-stess intervista Adrian Delia infexx jikkritika l-avvenimenti u l-proġetti marbuta mal-Valletta 2018 li se tibqa’ mfakkra fl-istorja ta’ pajjizna għall-mod kif ġiet trasformata f’Belt ħajja u vibranti. Avvenimenti li għalihom attentew eluf ta’ Maltin u turisti. Iżda Delia qal li ma tħalla l-ebda wirt mill-Valletta 2018.
Intant, Adrian Delia kritika u pprova jirredikola wkoll oqsma ekonomiċi ġodda bħalma huma l-intelliġenza artifiċjali u l-blockchain. Dan wassal għal reazzjoni mis-Segretarjat Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji li stqarr li jkun aħjar għall-Kap Nazzjonalista li ma jattakkax il-qasam tal-blockchain, li Malta kienet l-ewwel pajjiż fid-dinja li lleġisla sabiex ikun maħluq aktar xogħol u inċentivat aktar tkabbir ekonomiku.
Dwar artikli foloz li dehru facebook fl-aħħar ġimgħat dwar is-settur tal-blockchain, is-Segretarjat qal li qed jieħu l-passi anke permezz tal-pulizija.
Żied li għal kontra ta’ ħafna insinwazzjonijiet li prova jgħid il-Kap tal-Oppożizzjoni, il-Gvern bil-liġijiet li daħħal qed jagħti aktar protezzjoni u serħan tal-moħħ anke għall-muniti virtwali bħalma hi l-bitcoin.