Il-Prim Minsitru taħt it-tinda f’Ħal Għargħur wera solidarjetà sħiħa mal-artist Felix Busuttil fejn qallu li huma l-eluf il-persuni li jissapportjawh.
Muscat qal li hi xi ħaġa tal-mistħija li jkollok sit uffiċjali ta’ partit politiku li jattakka persuna dan kollu għax wera l-appoġġ tiegħu lejn moviment.
Sostna li din hi turija kif ħarġet l-omofobija, m’għottija b’affarijiet oħra. Muscat qal li dawn huma waqtiet fejn il-poplu wera li espressjonijiet ta’ mibgħeda ma jaqbilx magħhom.
Aktar Qabel: Il-Partit Nazzjonalista, jew kif qed isejjaħ lilu nnifsu dan l-aħħar Forza Nazzjonali, ħareġ jattakka uffiċjalment lill-artist Felix Busuttil fuq Facebook.
Filfatt fuq il-paġna uffiċjali tal-Forza Nazzjonali fuq Facebook, ħarġu jattakkaw qatta bla ħabel lill-artist li l-Ħadd filgħaxija waqt it-tieni Mass Meeting ta’ din il-kampanja elettorali fin-Naxxar, tkellem b’emozzjoni dwar kif bid-dritt tal-unjoni ċivili li daħħal Joseph Muscat, ħajtu ngħatat valur u dinjità.
Donnu dan ma niżlilhomx, hekk kif it-Tnejn filgħodu allegaw li tkellem waqt il-Mass Meeting għax jaħdem fil-Kunsill Malti għall-Arti u jifforma parti mill-bord taċ-Ċentru tal-Mediterran għall-Konferenzi. Agħar minn hekk, ħeġġew lin-nies ixerrdu dan l-attakk.
Dlonk irreaġixxa Felix innifsu, li fuq Facebook wieġeb kif din mhi xejn għajr gidba li mhux biss tinsultah iżda tweġġgħu għaliex kull m’għamel il-Ħadd huwa li tkellem mill-qalb u qal il-verità f’pajjiż demokratiku, kif wara kollox għandu kull dritt jagħmel.
Qal ukoll li din hija turija ċara ta’ kemm wieħed jaqa’ fil-baxx sempliċiment għax ikollu ideoloġiji differenti.
Għalkemm stqarr li dan isaħħaħ biss dak li jemmen fih b’qawwa kbira. U staqsa għaliex din il-mibegħda kollha.
Din ir-reazzjoni kienet tal-Forza Nazzjonali biss, għaliex mumenti wara d-diskors tiegħu kienu diversi l-kmamar tal-aħbarijiet f’pajjiżna li rrappurtaw bi prominenza dwar dak li tkellem dwaru Felix.
Bħall-MaltaToday, li filwaqt li ddeskriviet diskorsu bħala wieħed “powerful”, innotat l-appell biex wieħed ma jibżax jappoġġja dak li jemmen fih, anki jekk jaf li hemm min ma jaqbilx.
L-Independent innotaw li Felix tkellem dwar kif il-moviment immexxi minn Joseph Muscat huwa riflessjoni ta’ trasparenza, u li l-Mexxej Laburista żamm kelmtu miegħu.
Filwaqt li t-Times of Malta kitbu kif għall-artist u żeffien, dan huwa l-aqwa żmien ta’ ħajtu.
“Joseph Muscat żamm kelmtu miegħu. Dan hu l-mument ta’ prova, t’onestà, ta’ mħabba li tirbaħ fuq kollox għax dan huwa l-aħjar żmien ta’ ħajti.”