Il-Partit Nazzjonalista u alleati tiegħu ħarġu jattakkaw lill-Ispeaker tal-kamra tar-Rappreżentanti, Anġlu Farrugia.
Dan għamluh wara li, fil-Kumitat parlamentari għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika spjega kif ma setax jivvota fuq deċiżjoni li l-eks Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, George Hyzler, ibbaża fuq linji gwida li fl-aħħar mill-aħħar m’humiex liġi.
Il-każ idur ma’ reklami tal-Gvern li saru fil-gazzetta KullĦadd, wara li l-eks Kummissarju Hyzler qal li dawn ma kinux skont il-linji gwida tiegħu.
Fil-Kumitat, ir-rappreżentanti tal-Gvern fissru għaliex ir-rapport ma kellux jiġi implimentat. Spjegaw li r-reklami kienu jinkludu informazzjoni u tagħrif li n-nies kellhom ikunu jafu bih.
Ir-rappreżentanti tal-Oppożizzjoni qalu li r-rapport kellu jkun implimentat, u għalhekk kien meħtieġ il-vot tal-Ispeaker.
Qabel għadda għall-vot fuq dan ir-rapport, l-Ispeaker xtaq li jerġa’ jibgħat għall-Kummissarju għall-Istandards biex, quddiem il-kumitat, jiġi mistoqsi ċerti domandi. Madanakollu, id-deputati tal-Partit Nazzjonalista oġġezzjonaw għal dan.
Dan kollu l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti spjegah f’ruling dettaljata li ta fl-istess Kumitat. L-Ispeaker esprima qbil mal-prinċipji tal-linji gwida dwar reklamar u promozzjoni tax-xogħol tal-Gvern, iżda fil-kumitat għamilha ċara li hu obbligat li jimplimenta jew jivvota fuq dak li hu liġi.
“Aħna marbutin, bħala Kumitat, li nimxu fuq is-setgħa li tagħtina l-istess liġi, la iżjed u lanqas inqas,” qal fid-deċiżjoni tiegħu l-Ispeaker filwaqt li kkwota l-liġijiet rilevanti. Din id-deċiżjoni tirrifletti wkoll kif ma kien hemm l-ebda ksur ta’ liġi f’dan il-każ.
Minkejja dan kollu, il-Partit Nazzjonalista, Repubblika, u Arnold Cassola ħarġu jattakkaw lill-Ispeaker. Cassola, kif jagħmel sikwit, saħansitra kiteb lill-Kummissarju għall-Istandards biex jilmenta fuq din id-deċiżjoni u jitlob li jiġi investigat l-Ispeaker.
Fir-ruling tiegħu, l-Ispeaker mhux biss ikkwota l-liġi, iżda wkoll laqgħat ma’ esponenti ta’ organizazzjonijiet internazzjonali kif ukoll dak li jiġri f’pajjiżi oħra.