Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia jinsab fil-mira ta’ kritika ġdida, din id-darba għax sab impjieg ġdid fil-Partit Nazzjonalista għal mara ta’ ħuh, Claudette Delia.
Irrapurtat dan il-gazzetta Kullħadd wara li fl-aħħar ġimgħat, Claudette Delia bdiet tidher ta’ kuljum fil-kurituri tad-Dar Ċentrali, bil-preżenza tagħha tqajjem bosta mistoqsijiet.Sorsi qrib ONE kjarifikaw li l-kariga tagħha hija ta’ assistenta personali għal Delia nnifsu.
One.com.mt ċempel id-Dar Ċentrali, fejn ikkonfermaw dak li qalu s-sorsi hekk kif spjegaw li Claudette Delia taħdem hemm.
Huma qalu li hija tkun preżenti fid-Dar Ċentrali fil-ħinijiet ta’ filgħodu u fost il-ġimgħa biss.
Din l-aħbar qajmet aktar rabja fil-Partit Nazzjonalista, hekk kif bosta esponenti partikolarment dawk mill-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, huma urtati li Adrian Delia qiegħed joħloq aktar impjiegi għall-ħbieb tiegħu u saħansitra issa anki lill-qraba tiegħu.
Minn naħa l-oħra, il-fazzjoni ta’ Delia mhux joqogħdu lura milli jfakkru li fi żmien Simon Busuttil kienu impjegati nies tiegħu bħal Claudette Buttiġieġ u Michael Fenech Adam, ħu l-Eks Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Din tkompli mas-sensiela ta’ battibekki bejn iż-żewġ fazzjonijiet fejn fost oħrajn dawk favur il-preżenza ta’ Busuttil fil-Partit, kienu urtati li Delia daħħal lil Pierre Portelli bħala Kap Eżekuttiv ta’ Media.Link, li spiċċa attakkat ukoll b’kunflitt ta’ interess għax neħħa l-produzzjoni Santa Monika biex daħħal waħda tal-kumpanija tiegħu u ta’ martu.