Il-Partit Nazzjonalista għamel konferenza tal-aħbarijiet biex jerġa’ jattakka l-inkjesta dwar l-allegat involviment ta’ politiċi f’każ ta’ droga f’Għawdex.
Inkjesta li wriet kif ma kien hemm ebda indħil politiku u lanqas inbidlu stqarrijiet mill-akkużati kif kien qed ikun allegat għal diversi ġimgħat. Saħansitra, it-tliet żgħażagħ involuti fil-każi li ssemmew tressqu l-Qorti u tnejn diġa’ għandhom sentenza fil-konfront tagħom.
Iżda, il-Partit Nazzjonalista nsista li jattakka l-inkjesta. Dan ladarba ma tatx il-konklużjonijiet li xtaq hu. Peró filwaqt li l-Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Beppe Fenech Adami, sejjaħ l-inkjesta whitewash u mhux serja ma ta ebda prova li tmeri l-fatti żvelati.
Fost oħrajn il-konklużjoni li l-pulizija mxew mal-proċeduri stabbiliti. Il-kumplament tal-konferenza tal-aħbarijiet kienet attakk fuq il-proġetti li qed isiru f’Għawdex, fosthom fl-isptar, u fuq il-Ministeru ta’ Għawdex bil-kelliema Marthese Portelli tgħid li f’Għawdex m’hemmx xogħol, m’hemmx investiment u hemm ħafna prekarjat.