Ħaten Beppe Fenech Adami, Kevin Cassar, attakka maġistrata minħabba li din ikkonkludiet li ma kienx hemm provi biex jinfetħu inkjesti fil-konfront tal-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri, kif ried Jason Azzopardi u l-estremisti Nazzjonalisti.
F’artiklu fuq ix-Shift News tal-establishment Nazzjonalista, Cassar attakka lill-Maġistrat Brigette Sultana, wara li l-eks Deputat u Avukat tal-għaqda Repubblika għamel dawn it-talbiet fi żmien il-festi tal-Milied.
Saħansitra, ħaten Beppe Fenech Adami qal li hu xokkanti li l-maġistrata rrifjutat it-talbiet fuq deċiżjoni tagħha stess. Dan f’attakk ċar fuq il-ġudikatura u l-indipendenza ta’ din l-istituzzjoni kruċjali f’kull demokrazija.
Cassar qal li l-maġistrata qalet ukoll li rapporti fil-midja mhumiex evidenza ċara biżżejjed, li għaliha għandha tinfetaħ inkjesta maġisterjali.
Ta’ min ifakkar li, bir-riforma li għadha kemm ġiet approvata fil-Parlament, il-Pulizija se tiddeċiedi skont evidenza konkreta u mhux fuq għajdut ta’ xi ħadd, kif iridu l-estremisti Nazzjonalisti sempliċiment bħala vendikazzjoni kontra kull min iħaddan twemmin Laburista.
Dan ikkonfermah l-Avukat tal-Kap Nazzjonalista, Edward Debono, li fuq in-NET stess, iddikjara hekk …
“Jiena kont f’bar fir-Rabat, Għawdex, u smajt lil tizju qed jgħid li l-Ministru tqassam il-berths lil-Laburisti għall-esklużjoni tan-Nazzjonalisti jew ta’ kull min ipprova jitlob biex jieħu berth l-Imġarr jew ix-Xlendi u ta’ dan kellu jħallas. Dik illum jien ma nistax immur b’dik l-allegazzjoni quddiem il-maġistrat u nitolbu jinvestiga. Għax il-prova trid tkun ammissibbli u hearsay allura, skont il-liġi tagħna, mhuwiex ammissibbli.”
Għaldaqstant, dak ta’ ħaten Beppe Fenech Adami hu l-veru każ ta’ attakk fuq l-istituzzjonijiet, għax il-Qorti ma ddeċiditx kif riedet il-klikka estremista fi ħdan il-Partit Nazzjonalista.