Tifel ta’ 18-il sena attakka lil ommu u lil missieru b’sikkina f’Birkirkara, bil-missier jinsab fil-periklu tal-mewt.
Il-każ seħħ kmieni dalgħodu, għall-ħabta tas-siegħa fi Triq Dun Vinċenz Saliba, Birkirkara.
Il-Pulizija tad-Distrett flimkien mal-membri mir-Rapid Intervention Unit marru minnufih fuq il-post, fejn minn stħarriġ preliminari illi sar irriżulta li allegatament ragel ta’ 49 sena u mara ta’ 43 sena, it-tnejn residenti Birkirkara, sfaw feruti mit-tifel tagħhom ta’ 18-il sena. Waqt l-inċident intużat arma li taqta` u bil-ponta.
Fuq il-post issejħet ambulanza sabiex tassisti lill-vittmi. Huma ttieħdu minnufih l-Isptar Mater Dei sabiex jingħataw il-kura meħtieġa. Aktar tard, ir-raġel ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi gravi filwaqt li l-mara ġiet iċċertifikata li qiegħda ssofri minn ġrieħi ħfief.
Il-ġuvni ġie arrestat u qiegħed jgħin lill-Pulizija fl-investigazzjonijiet li għadhom għaddejjin.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr A. Demicoli LL.D, li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.