Simon Busuttil attakka kemm felaħ l-ogħla istituzzjonijiet Maltin. Dalgħodu qal li l-Avukat Ġenerali, li nħatar fi żmien il-Partit Nazzjonalista, għandu “jitlaq” minn postu mill-aktar fis possibbli. “Jien ma nafx dan x’kulur hu” qal Busuttil dwar l-Avukat Ġenerali, li l-irwol tiegħu jitlob imparzjalità assoluta.
Attakk bla waqfien u b’sens ta’ disprezz qawwi għamlu wkoll fil-konfront tal-Kummissarju tal-Pulizija, li sejjaħlu “agħar minn Neruni, għax almenu dak kellu naqra stil, idoqq il-fifra”.
B’dan it-tip ta’ ton, Simon Busuttil u anke l-viċi kap tal-PN Beppe Fenech Adami, appella għal darb’oħra għal informazzjoni dwar kull min jista’ jkollu xi forma ta’ storja li tinteressa lil PN. Iżda għal darb’oħra mhux talli tilef opportunità jgħid għandux dettalji dwar l-allegazzjonijiet fuq Egrant u mart il-Prim Ministru, imma fi kliemu setss “jista’ jkun għandna dubji” fuq dawn l-allegazzjonijiet.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-poplu għandu jemmen dawn l-allegazzjonijiet sempliċement minħabba l-“livell ta’ dettall” ta’ dak li qed jinkiteb.
L-istess Busuttil sejjaħ “mara ta’ kuraġġ” u qal grazzi lill-mara Russa li kienet impjegata ta’ Pilatus, u li dehret quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja mingħajr provi. Busuttil saħsitra talab protezzjoni bil-Pulizija lil din il-mara li kienet imkeċċija u qed taffaċċja proċeduri kriminali kontriha mill-istess bank fil-Qorti.
Intant Busuttil ma qal assulutament xejn dwar dak li żvelat il-KullĦadd illum u li jagħti daqqa ta’ ħarta kbira lill-kredibiltà tiegħu. M’offra ebda spjega għaliex il-Partit Nazzjonalista qed iħaddem skema oħra ta’ finanzjament illegali u din id-darba qed jiffroda lill-istituzzjonijiet Ewropej. Lanqas ma qal għaliex membri Parlamentari Ewropej qegħdin jużaw spazji fid-Dar Ċentrali u jħallsu għalihom minn flus li l-Parlament Ewropew jgħaddilhom għal għanijiet oħra.