Christopher Ellul ta’ 50 sena mill-Belt ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest wara li tressaq il-Qorti akkużat li prova jabbuża sesswalment minn mara fi Triq fil-Belt stess.
Il-Qorti ppreseduta mill-maġistrat Joe Mifsud, semgħet kif Ellul kkonfronta l-vittma f’ West Street fil-Belt Valletta u qalilha li xtaq ikellimha. Madankollu meta weġbitu li kienet mgħaġġla huwa allegatament qabadha u waqt li rassha mal-ħajt prova jmissha u jbusha.
Il-vittma allegatament irnexxielha taħrab u baqgħet sejra dritt l-għassa tal-Belt biex tagħmel rapport.
Ellul kien akkużat ukoll li kiser żewġ ordnijiet tal-probation.
Id-difiża wieġbet li l-akkużat mhux ħati u talbet il-ħelsien mill-arrest. Dan hekk kif huwa qed ifittex għajnuna ta’ psikologu.
Il-Qorti qabblet mal-prosekuzzjoni u filwaqt li nnotat ir-reati li għamel fil-passat irrifjutat il-ħelsien mill-arrest. Ellul kien akkużat b’erba’ reati simili fil-passat.