Daħal fit-tieni xahar tiegħu l-proġett pilota tal-Malta Red Cross bl-isem “Community First Responder”.
Proġett li fl-iqsar ħin possibbli, qed jagħti l-assistenza f’każi t’emerġenza fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta.
Dan il-proġett kien possibbli grazzi għal madwar €25,000 f’fondi mill-iskema għal proġetti t’organizzazzjonijiet volontarji, biex investew f’vettura ġdida li qed twassalhom fil-post tal-inċident.
Il-President tal-Malta Red Cross Edward Gruppetta spjega kif s’issa kienu diversi l-inċidenti li ltaqgħu magħhom, fejn sal-bieraħ stess assistew raġel li waqa’ għal isfel waqt li kien qed jaħdem f’sit ta’ kostruzzjoni.
Il-Ministru Helena Dalli, li żaret is-sit fejn qed tinżamm il-vettura f’Pembroke, ħeġġet lill-voluntiera biex is-sena d-dieħla japplikaw għal iżjed fondi bil-għan li dan il-proġett jimraħ għan-naħa t’isfel ta’ Malta wkoll.