Jason Micallef se jinħatar Delegat Speċjali tal-Amministrazzjoni tal-Partit Laburista dwar l-Implimentazzjoni tal-Manifest Elettorali.
Dan tħabbar fi stqarrija mill-Partit Laburista, li spjega li d-deċiżjoni ttieħdet fl-aħħar laqgħa tal-amministrazzjoni u se tiġi kkonfermata waqt il-Konferenza Ġenerali Straordinarja, li se ssir għada filgħaxija fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista.
Ingħad li Micallef se jkun qed jirrapporta direttament lill-amministrazzjoni ċentrali tal-Partit Laburista.
Il-Konferenza Ġenerali Straordinarja t’għada wkoll se tiddiskuti emendi fl-istatut tal-Partit Laburista, inkluż biex deputati jkunu jistgħu jikkontestaw għall-kariga ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit.
Sadanittant, b’rabta ma’ dan, Jason Micallef fuq il-midja soċjali qal li matul dawn l-aħħar jiem, kellu diversi laqgħat kemm mal-Prim Ministru, ma’ Ministri, Membri tal-Parlament Ewropew kif ukoll uffiċjali tal-Partit Laburista.
Hawn tenna li flimkien qablu fuq pjan ta’ proċess ta’ tiġdid importanti li jidħol fis-seħħ fil-Partit Laburista. Tiġdid, li fi kliem Micallef qiegħed isir bi pjan maħsub biss biex il-Partit Laburista jibqa’ jiġġedded skont iċ-ċirkostanzi tal-lum, dejjem fl-interess tal-poplu.
Huwa qal ukoll li għalhekk laqa’ b’sodisfazzjoni din il-kariga ġdida fil-Partit Laburista u tenna li dan, u tiġdid importanti ieħor huwa kruċjali biex meta tiġi l-elezzjoni, il-Partit Laburista ikun imħejji sew.
Huwa temm jappella biex għada l-Ġimgħa niltaqgħu fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista għall-Konferenza Ġenerali Straordinarja.