Jason Derulo, Hailee Steinfeld u Sigala flimkien ma’ Paloma Faith u Ella Eyre u Dimitri Vegas & Like Mike huma l-artisti li din is-sena ser jimlew il-palk tal-Isle of MTV ta’ din is-sena.
Għat-tnax il-sena konsekuttiva, dawn l-artisti ser jingħaqdu ma’ għadd ta’ artisti lokali fuq il-Fosos fil-Furjana biex jittella dak li llum ġie stabbilit bħala wieħed mill-akbar kunċerti mużikali offruti b’xejn fl-Ewropa matul is-sajf.
Hu mifhum li dan il-kunċert, ta’ kull sena jiġbed lejn pajjiżna eluf ta’ turisti partikolarment żgħażagħ li jiġu f’pajjiżna speċifikament biex isegwu dan il-kunċert u jattendu għall-attivitajiet kollha li jsiru madwar pajjiżna b’rabta miegħu.
Minbarra l-attrazzjoni turistika li jiġbed lejn pajjiżna, dan il-kunċert iservi wkoll ta’ niċċa ta’ reklamar ta’ pajjiżna minħabba l-fatt li jiġi segwit minn miljuni ta’ segwaċi fuq l-istazzjonijiet televiżivi tal-MTV.
Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi stqarr li dan il-kunċert huwa ħolqa oħra fil-kullana ta’ attrazzjonijiet turistiċi li qed jikkontribwixxu biex pajjiżna jkompli miexi lejn attivita ekonomika aħjar.