Informazzjoni ġdida li preżentat l-għaqda Repubblika stess tgiddeb l-akkużi fi kwerela li fetaħ il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-ġustizzja Jason Azzopardi u l-għaqda Repubblika kontra membri tal-Forzi Armati ta’ Malta u l-Prim Ministru.
Sa issa la Repubblika u lanqas il-Kelliem tal-Ġustizja għadhom ma ħarġu l-ebda stqarrija biex jammettu li gidbu meta akkużaw lis-suldati, lill-Brigadier Jeffrey Curmi u lill-Prim Ministru Robert Abela bi qtil tal-immigranti.
Akkuża li l-piena għaliha hi ta’ għomor il-ħabs.
It-Times irrappurtat li r-Repubblika, wara li akkużat lis-suldati b’attentat ta’ qtil, issa qed tgħid li kienet proċedura normali ta’ salvataġġ meta s-suldati qalu lill-immigranti biex jitfu l-magna tad-dinghy.
Fil-fatt l-informazzjoni preżentata minn min ressaq il-kwerela stess turi li l-allegat sabutaġġ ta’ dgħajsa tal-immigranti ma kien xejn għajr proċedura li ssir dejjem biex jissalvaw in-nies bejn sema u ilma.
It-Times irrappurtat li saħansitra din l-evidenza ġiet ikkoraborata mill-ħdax-il suldat li huma membri tal-ekwipaġġ tal-patrol boat P52: “It is understood the evidence tallies with the joint version of events given by the 11 crew members, that the migrant manning the outboard engine on the dinghy had been directed to pull what is known as a ‘kill switch’, to shut off the engine. This, is believed to be a standard procedure in rescues of this type to ensure the safety of all parties involved.”
Dawn l-iżviluppi ħarġu wara ħames t’ijiem minn meta bdiet l-inkjesta, b’Jason Azzopardi u l-għaqda Repubblika ma jirtirawx l-allegazzjoni jew iressqu apoloġija.
Fil-fatt ONE News hu infurmat li mill-Ġimgħa filgħaxija bdiet inkjesta u l-pulizija flimkien mal-esperti tal-Qorti, taħt id-direzzjoni tal-Maġistrat inkwirenti Joe Mifsud baqgħu għaddejjin sa tard bil-lejl bl-istħarriġ tagħhom.
Intant it-Tlieta filgħodu l-investigazzjonijiet kienu ffukkati fil-bażi tal-ajru tal-Armata, fl-Air Wing, Ħal Kirkop.
Għal ħabta tal-10:00 ta’ filgħodu daħal il-Maġistrat Joe Mifsud li qed imexxi l-inkjesta sabiex ikompli bl-istħarriġ tiegħu.
Fil-bażi tal-ajru kien hemm preżenti ukoll l-espert tal-qorti Martin Bajada u uffiċjali mill-korp tal-pulizija.
B’kollox aktar minn erbgħin suldat qegħdin jiġu investigati fuq kwerela li fetaħ Jason Azzopardi.
Fuq l-operazzjoni li Jason Azzopardi qed jgħaddi lis-suldati minn investigazzjoni, ġie rrappurtat li l-Forzi Armati tajru l-ajruplani tagħhom għal aktar minn 20 siegħa sakemm ġie identifikat id-dinghy, li qed jiġi allegat li fuqu mietu xi immigranti.
L-ajruplani tal-armata taru f’diversi titjiriet f’distanza ta’ aktar minn 3,600 mil nawtiku.
F’nofs ta’ lejl bejn it-13 u l-14 ta’ April, ajruplan tal-Forzi Armati lemaħ dinghy bl-immigranti.
L-armata kkoordinat is-salvataġġ billi infurmat vapur merkantili u żewġ dgħajjes tas-sajd li kienu l-aktar viċin.
L-ajruplan baqa’ jtir sas-sigħat bikrin tal-erbatax ta’ filgħodu, meta waslet lanċa tas-sajd u sabet lilll-immigranti. B’vapur tal-merkanzija, għen lill-immigranti sabiex setgħu ttellgħu fuq il-lanċa tas-sajd li mbagħad daħħlithom il-Libja.
Wara din l-operazzjoni l-ajruplan tal-armata nieżel lura fl-ajruport ta’ Malta kważi vojt mill-fjuwil.
Wara din l-operazzjoni, il-President tal-għaqda Repubblika Vicki Ann Cremona qalet li ma sar xejn biex jiġu salvati l-ħajjiet mill-armata.
Hija stqarret: “Meta bdejna naraw li mhu qed isir xejn.”
Saħansitra Adrian Delia ddefenda l-aġir ta’ Jason Azzopardi. Huwa qal: “Issa jekk hux il-Brigadier, fuq nett, il-Brigadier fuq nett jew inkella hux suldat wieħed jew tnejn jew mija illi għamlu ħażin allura ma tinvestigahomx?”
F’ġimgħa l-armata kkordinat it-tiftix u s-salvataġġ ta’ ħames każi ta’ dgħajjes b’immigranti, fejn il-Patrol Boat P52 salvat iktar minn sittin immigrant.