Id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi se jittanta xortih biex għall-ewwel darba jikkontesta duq id-disa’ distrett elettorali.
Dan ħabbritu l-gazzetta Maltatoday li spjega wkoll li Azzopardi qed jimmira biex itellaq għas-siġġijiet ta’ Robert Arrigo u Kristy Debono fost l-oħrajn.
Fuq id-distrett tal-Għargħur u San Ġwann mistenni joħroġ ukoll Joe Giglio li qed jiġi mbuttat ferm mill-Partit Nazzjonalista.
Jekk jiġu eletti Azzopardi u Giglio fuq dan id-distrett, il-Viċi Kap Robert Arrigo u Kristy Debono se jibqgħu b’xiber imnieħer.
Għal dan l-aħħar kwart ta’ seklu, Azzopardi dejjem ġie elett fuq ir-rabà distrett elettorali, li jinkludi fih Raħal Ġdid. Fl-Elezzjoni Ġenerali li jmiss fuq dan id-distrett mistennija jikkontestaw ukoll kandidati li ma jaraw għajn m’għajn Jason Azzopardi minħabba dak li għamel fil-konfront tal-eks Kap Adrian Delia.
Minħabba li f’dan id-distrett normalment jiġi elett Deputat wieħed biss tal-Partit Nazzjonalista, Jason Azzopardi beda jfittex alternattivi oħra f’każ li ma jiġix elett mid-distrett tiegħu.
Dan kollu jikkuntrasta sew ma dak li kien ta x’jifhem il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech fejn wiegħed li se jagħti ċans lil kandidati ġodda.
Din il-battuta ma niżlet xejn sew ma Azzopardi fejn ġimgħa ilu tefa’ botta diretta meta uża kwotazzjoni tal-eks President tal-Istati Uniti Ronald Reagan li kien attakka lill-kandidati ġodda bħala nies ta’ bla esperjenza.
Il-kwotazzjoni tgħid, “I am not going to exploit for political purposes my opponent’s youth and inexperience. And if I may add, I don’t know which which said if it was not for the elders correcting the mistakes for the young there will be no state”
Wara dan kollu Bernard Grech kien għamel pass lura mid-dikjarazzjonijiet tiegu u tenna li se jkun qed jagħti spazju artifiċjali lill-kandidati tiegħu.
Qal, “Li rridu mhux biss allura nies ġodda, mhux biss uċuħ ġodda imma rridu wkoll nagħmlu b’mod anke jekk hemm bżonn artifiċjali, spazju ħalli dawk in-nies tassew ikunu jistgħu jidħlu u jieħdu posthom.”