Id-deputat Nazzjonalista, Jason Azzopardi, ħadem biex il-Kunsill tal-Ewropa jiskatta dik li tissejaħ ‘monitoring procedure’ bil-għan li jsiru iktar rapporti dwar Malta.
Iżda, ix-xewqa tiegħu kienet irrifjutata b’vot qawwi tal-Assemblea tal-Kunsill tal-Ewropa.
Filwaqt li l-assemblea approvat rapport kritiku ta’ Malta, din it-talba intefgħet ‘il barra għad-diżappunt tad-deputat nazzjonalista.
Fil-fatt kienu kollegi ta’ Azzopardi fil-Partit tal-Popolari Ewropew li ressqu l-emenda biex issir din il-proċedura kontra Malta. Proċedura li bħalissa teżisti biss kontra għaxar pajjiżi oħra.
B’59 vot kontra u 24 favur din l-emenda ma ntlaqgħetx.
Jason Azzopardi kien fost il-minoranza li vvotat kontra l-interess ta’ Malta u għalhekk favur din l-emenda.
B’dan il-mod, Jason Azzopardi temm jum ieħor jikkonfoffa kontra l-interessi ta’ pajjiżna. Fejn għamel ġurnata jaħdem favur ir-rapport ta’ Pietr Omtzigt dwar Malta.
Ta’ min ifakkar li Omtzigt huwa wkoll l-istess deputat Olandiż li kien f’nofs kontroversja meta f’każ tal-ajruplan MH17 ipprova jagħti l-impressjoni li twaqqa’ mill-Ukrajna.
Saħansitra għen xhud falz jidħol f’laqgħat għall-qraba tal-vittmi mejtin biex hemm ixerred aħbarijiet foloz dwar il-każ li seħħ f’Lulju 2014.
Eventwalment kellu jammetti li din kienet fake news u saħansitra jiskuża ruħu u jirċievi l-kundanna ta’ politiċi oħra li sejħu għar-riżenja tiegħu.
Iżda, kif żvela one.com.mt, Jason Azzopardi jsib ruħu komdu ħafna miegħu. Dan għax fih sab alleat għall-kampanja tiegħu u ta’ sħabu fil-Partit Nazzjonalista bil-għan li jagħmlu ħsara lill-pajjiż sakemm hemm Gvern Laburista.
Meta nhar l-Erbgħa kienu qed jiġu diskussi emendi għal dan ir-rapport, Azzopardi ħa ħsieb li jħakkek kemm jista’ jkun ma’ dan Omtzigt bil-għan li jserraħ rasu mill-kontenut kontra pajjiżna.
Kif jixhdu r-ritratti li ppubblikajna Jason Azzopardi kien miegħu qabel u wara l-laqgħat biex kompla fejn ħalla drabi oħra.
Fi Strasburgu kienu preżenti wkoll id-deputati tal-Partit Laburista Manuel Mallia, Rosianne Cutajar, Stefan Zrinzo Azzopardi u Etienne Grech.
F’livelli differenti huma spjegaw kif ir-rapport li tressaq għall-vot ma kienx ġust u li jirrifletti l-verità.
Fil-plenarja intervjenew id-deputati Manuel Mallia u Rosianne Cutajar li tkellmu dwar aspetti tar-rapport li lanqas biss fattwalment korretti.