L-għarbiel tal-Għaqda Repubblika konvenjentament mhux dejjaq biżżejjed għal Jason Azzopardi.
Għalkemm dan id-deputat Nazzjonalista ġmielu jiddandan f’lukandi minn but l-allegat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, għall-għaqda Repubblika il-ħażin ta’ Jason Azzopardi mhux l-istess bħal dak ta’ Adrian Delia.
Wara li l-għaqda Repubblika esiġiet li Adrian Delia jirriżenja wara li ħareġ f’rapport li allegatament kien hemm komunikazzjoni bejn Yorgen Fenech u Delia wara li sar magħruf li kien is-sid ta’ 17 Black, ONE News staqsa jekk l-għaqda Repubblika hux qed iżżomm lil Jason Azzopardi ugwalment responsabbli għall-irbit tiegħu ma’ Yorgen Fenech.
Madankollu, għalkemm Jason Azzopardi kien ġmielu jgawdi minn mawriet u iljieli rilassanti f’lukandi differenti mħallsin mill-grupp ta’ Yorgen Fenech, il-ħażin ta’ Azzopardi għall-Robert Aquilina mhux l-istess bħal dak ta’ Delia.
Il-ġurnalist staqsa, “Hija naqra surreali din, min-naħa iridu lil min iġorr ir-responsabbiltá, anke kif għadek kif għidt issa Adrian Delia, imbgħad min-naħa l-oħra, Jason Azzopardi li tista’ tgħid hekk hemm sitwazzjoni li hija kważi kważi l-istess, hemmhekk orrajt, qisu għalikom jgħaddi kollox.”
Robert Aquilina wieġeb, “Le m’huwiex l-istess”
Filwaqt li kull ma jmur komplew joħorġu d-dettalji dwar coffee mornings mħallsa minn Yorgen Fenech li kien jagħmel Jason Azzopardi għall-kostitwenti tiegħu qabel l-elezzjoni tal-2008, il-President tal-Għaqda Repubblika, Robert Aquilina li tant jitkellem kontra r-rabta bejn in-negozjant u l-politiku, skuża lil Jason Azzopardi.
Ħu d-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina stqarr li hemm livelli differenti ta’ ħażin.
Ġurnalist staqsa, “Għandkom daqstant kontra l-indħil tan-negozju fil-politika, allura m’għandkomx problema b’Jason Azzopardi?”
Robert Aquilina qal, “Nerġa’ ngħidlek aħna ma naqblux li politiċi u persuni oħra għandhom jieħdu affarijiet b’xejn mingħand negozjanti pero mhux kull ħażin huwa tal-istess livell.”
Il-pożizzjoni ta’ Repubblika, l-għaqda li tiltaqa’ mat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista biex tiddiskuti strateġija politika, hija waħda identitika għal dik tal-Partit Nazzjonalista, li ddefenda r-rigali li ħa Jason Azzopardi m’għand ta’ Fenech.
Intant meta mistoqsi dwar x’jagħti d-dritt lill-għaqda Repubblika sabiex bi prepotenza taħseb li tista’ tiddetta kif jitmexxa pajjiż meta hemm l-maġġoranza tal-poplu li huwa ta’ fehma differenti minn tagħhom, Robert Aquilina spiċċa jgħid li dawk kollha li ma jaqblux magħhom huma immanipulati u żgwidati.
Dan biex meta mistoqsi jiċċarra jekk vera jemminx li kull min ma jaqbilx magħhom huwa mmanipulat, Aquilina ma setax ikompli jaħbi l-iskumdità li kien qiegħed fiha meta affaċjat b’dawn il-mistoqsijiet.
Robert Aquilina qal, “Il-Gvern qiegħed jiżgwida u jimmanipula lill-poplu.”
Il-ġurnalist wieġeb, “Jiġifieri kull min ma jaqbilx huwa mmanipulat.”
Robert Aquilina qal, “F’xi ħin nagħtu ċans lill-ġurnalisti l-oħra.”
“Għidtli li għandek il-ħin kollu tad-dinja.”, wieġeb il-ġurnalist.
Robert Aquilina qal, “Jekk trid inkomplu wara, mhux problema.”