L-eks Deputat Nazzjonalista u Avukat ta’ Repubblika, Jason Azzopardi, tressaq il-Qorti fejn fil-ħin li ġej mistenni jiġi mixli li wera disprezz u kiser il-proċeduri fil-bini tal-Qorti.
Fil-fatt, Azzopardi, li anke hu lettur fl-Università mal-Fakultà tal-Liġi, ġie mħarrek quddiem il-Maġistrat Monica Vella li ġibed filmat tal-Prim Ministru Robert Abela u tal-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard waqt li dawk kienu fil-Qorti. Biex, imbagħad, l-istess filmat għaddih lill-midja tal-Partit Nazzjonalista biex ixxandru, kif jidher hawn taħt.
Fuq il-pedana tax-xhieda tellgħet il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija tas-Servizzi tal-Qrati, Eurice Grech Fiorini, li spjegat li nhar it-2 ta’ Diċembru hi rat filmat fuq Facebook li ttella’ mill-kamra tal-aħbarjiet tal-Partit Nazzjonalista u minnufih bdiet l-investigazzjoni tagħha.
Mill-filmati tas-CCTV tal-Qorti, Azzopardi jidher miexi fil-mument li ttieħed il-filmat.
Grech Fiorini xehdet wkoll li hi bagħtet imejl lill-Prim Imħallef Mark Chetcuti tistaqsih jekk kienx ta xi permess lil xi ħadd biex jiġbed filmati fil-Qorti, iżda dan irrisponda fin-negattiv.
Il-filmat inkwisjoni tas-CCTV intwera wkoll fl-Qorti, b’Azzopardi miexi bil-mobile ma’ widnejh, daqslikieku qed jirrispondi xi telefonata, biswit il-mejda fejn kien hemm il-Prim Ministru fost l-oħrajn.
Proċeduri tal-Qorti, kif joħroġ proprju minn Kapitlu 12 tal-Liġijiet ta’ Malta, iċaħħdu lil min jiġbed filmati fil-bini u, meta wieħed jonqos milli jaġixxi b’mod korrett f’dan ir-rigward, il-Qorti għandha s-saħħa bil-liġi li tieħu azzjonijiet xierqa kontrih.
Kien għalhekk, li f’dan il-każ, il-Prim Imħallef innifsu ordna li jittieħdu passi kontra Azzopardi.
Waqt is-seduta t-Tnejn xehed ukoll John Micallef, Chief Marshall tal-Qorti, li stqarr li hu ra lil Azzopardi miexi bejn l-awli. William Aquilina, li hu ċ-Chief Security Officer fl-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qorti, ippreżenta pen drive bil-filmati tas-CCTV.
Wara kien imiss li jitla’ jixhed il-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard, li malli daħal fl-awla, Jason Azzopardi nfexx jgħajru quddiem kulħadd u jgħidlu li m’għandux x’jagħmel.
Il-Ministru Attard qal li hu kien fil-Qorti dakinhar għax kienet se tingħata s-sentenza fil-kawża tal-appell tat-tliet sptarijiet, waqt li ġie muri l-filmat fejn identifika lilu nnifsu bilqegħda mal-Prim Ministru.
Proċeduri tal-Qorti, kif joħroġ proprju minn Kapitlu 12 tal-Liġijiet ta’ Malta, iċaħħdu lil min jiġbed filmati fil-bini u, meta wieħed jonqos milli jaġixxi b’mod korrett f’dan ir-rigward, il-Qorti għandha s-saħħa bil-liġi li tieħu azzjonijiet xierqa kontrih.
Kien għalhekk, li f’dan il-każ, kien il-Prim Imħallef innifsu li ordna li jittieħdu passi kontra Azzopardi.
Il-kawża se tkompli tinstema’ fil-15 ta’ Jannar.