“Jason Azzopardi qed jiġrilu bħal Scrooge, qed ikollu jaffaċċja r-riperkussjonijiet ta’ għemilu fil-passat.”
Hekk iddeskriva lil Jason Azzopardi, Carmel Cacopardo, fid-dawl tat-tliet rapporti li nħarġu mill-Awditur Ġenerali. Cacopardo ddeskriva lil Azzopardi bħala pompuż, u li baqa’ jisħaq li aġixxa fil-parametri tal-liġi hekk kif ma kienx kapaċi jagħraf li wettaq żball. Hawnhekk għamel referenza għall-Partit Nazzjonalista li fid-dawl ta’ dawn il-każijiet ma ħa l-ebda azzjoni minkejja li talab għar-riżenja ta’ numru ta’ Ministri, fost oħrajn, iżda ma talabx li Azzopardi jirriżenja.
Cacopardu għamel referenza għat-tliet rapporti ppublikati mill-Awditur Ġenerali u ddeskriva rapport minn tlieta dwar bini fil-Belt Valletta bħala xempju ta’ governanza ħażina.
Ir-rapport tal-Internal Audit Investigations Department (IAID) jgħid li fi żmien Gvern Nazzjonalista, f’kampanja elettorali, il-pajjiż tilef iktar minn miljun ewro bil-ftehim tal-Fekruna. Dak iż-żmien, Azzopardi kien il-Ministru responsabbli mill-artijiet.
Il-ftehim dwar medda art fix-Xemxija kien sar ma Raymond Vella, sid l-istabiliment Mare D’Oro, u kellu l-barka ta’ Jason Azzopardi. Dan mhux l-unika każ li fih kien involut Azzopardi. Filfatt kien indaħal f’każ ta’ għoti ta’ garaxx f’Santa Luċija bi pjaċir, għall-kostitwenti tiegħu. Aġir imsejjaħ inaċċettabbli l-Awditur Ġenerali.
Ma kienx biss ir-rapport dwar bini fil-Belt Valletta ippreżentat mill-Awditur Ġenerali lill-Parlament li tefa’ dawl ġdid dwar kif fi żmien amministrazzjoni preċedenti, meta politikament responsabbli mid-Dipartiment tal-Artijiet kien hemm Jason Azzopardi, sar negozju mill-gvern b’rabta ma’ xiri u bejgħ ta’ propjetà. Hemm ukoll il-bini magħruf bħala l-eks fabbrika tal-Lowenbrau f’Ħal Qormi. Fil-każ ta’ din il-binja, l-Awditur Ġenerali jinnota l-falliment tal-Gvernanza tajba bħala tema rikorrenti.
Cacopardo saħaq li r-responsabbiltá għal dan kollhu għandha tinġabar minn Jason Azzopardi, “Għandu ħafna spjegazzjonijiet pendenti, ovvjament mhux se jirriżenja għax l-unika rispett li għandu lejn Governanza tajba huwa l-mitkellem biss.”
Huwa żied jgħid li dawn ir-rapporti mill-Awditur Ġenerali jitfgħu dawl fuq ‘inċident ieħor’ tal-Partit Nazzjonalista dwar il-loan ta’ €250,000 lil Nazzareno Vassallo lill-Partit Nazzjonalista fl-elezzjonijiet ġenerali tal-2013.
Cacopardo temm jgħid li ħadd ma jista’ jemmen lil Jason Azzopardi u lill-Partit Nazzjonalista meta jitkellmu dwar Governanza tajba, hekk kif fl-2012 sfruttaw dak kollu li kellhom fil-poter tagħhom.